580 arrest fl-ajruport ta’ Malta

L-istatistika ppubblikata turi li d-droga kienet it-tieni l-aktar reat li wassal għal arresti mill-Pulizija
L-istatistika ppubblikata turi li d-droga kienet it-tieni l-aktar reat li wassal għal arresti mill-Pulizija

Fl-aħħar erba’ snin saru 580 arrest mill-pulizija fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, li minnhom 517 tressqu quddiem il-Qorti.
Minn informazzjoni li ħarġet fil-parlament għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia qal kif bejn l-2010 u Ottubru tal-2013, saru medja ta’ 145 arrest fis-sena.
L-aktar reat ‘komuni’ f’dan il-perjodu kellu x’jaqsam ma’ offiżi relatati mal-immigrazzjoni b’total ta’ 306 arrest, li ħlief għal eċċezzjoni waħda, kollha tressqu l-Qorti.
L-istatistika ppubblikata turi li d-droga kienet it-tieni l-aktar reat li wassal għal arresti mill-pulizija. Infatti, f’dan l-istess perjodu saru 238 arrest li minnhom, 211 spiċċaw quddiem il-qorti.
Każijiet oħra kienu jinkludu passiġġiera fl-ajruport b’pussess ta’ armi jew munizzjon, bi ksur tal-ordinanza tal-armi. Kien hemm ukoll diversi każi ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja mogħtija mill-Qorti, kuntrabandu ta’ tabakk, frodi, serq, u pussess ta’ flus kontanti f’ammonti eċċessivi.
Fl-2013 kien hemm ukoll każ ta’ reat sesswali fl-ajruport u ‘attakk’ fuq magna tal-bank (ATM), biż-żewġ każi separati jitressqu l-Qorti.
Matul l-2013, il-pulizija arrestat ukoll żewġ persuni li l-pulizija ssusspettat li kienu qed jiġu traffikati, kif ukoll sitt persuni oħra fuq falsifikazzjoni ta’ dokumenti, b’dawn tal-aħħar jitressqu l-Qorti.

Sena Persuni Arrestati fl-ajruport Imressqa l-Qorti Mhux Imressqa
2010 158 137 21
2011 137 123 14
2012 143 129 14
2013 (Jan-Ott) 142 128 14

 

More in Qrati u Pulizija