Immultat €5,000 wara li qatel ċikonja

mill-Qorti

Kaċċatur ta’ 26 sena minn San Ġiljan kien ikkundannat tliet xhur ħabs sospiżi għal sena, kif ukoll immultat €5,000 wara li ammetta li t-Tlieta spara u qatel ċikonja bajda, li hi għasfur protett.

Ġiljan Tanti, li xogħlu hu li jpoġġi l-madum, ammetta wkoll li kien qed iġorr arma kkargata fi nħawi fejn il-kaċċa mhix permessibbli u li fejn spara jinsab f’żona ta’ 200 metru minn post fl-abitat, li uża apparat illegali biex isejjaħ lill-għasafar li mbagħad ikunu jistgħu jinqabdu.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30pm, meta mill-anqas 10 ċikonji bojod kienu qed jistrieħu fuq is-saqaf ta’ San Vinċenz de Paule. L-akkużat, Ġiljan Tanti, ammetta li waqt li kien qiegħed moħbi f’għalqa fil-Marsa qrib il-fabbrika Edible Oil Refinery, huwa spara u qatel waħda minn dawn iċ-ċikonji. 

Tliet uffiċjali tal-Pulizija li nzertaw li kienu viċin semgħu t-tiri u raw wieħed mill-għasafar protetti nieżla. Wieħed mill-pulizija lemħu lill-akkużat, li malli nduna li rawh telaq jiġri. Madankollu, l-akkużat malajr inqabad u uffiċjali mill-Adminsitrative Enforcement Unit arrestawh u ħaduh l-għassa. L-arma tan-nar u l-għasfur ġew ikkonfiskati mill-pulizija. 

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qieset l-ammissjoni bikrija ta’ Grima, li kkopera mal-Pulizija u li skuża ruħu għall-azzjonijiet tiegħu. Kien meqjus ukoll il-fatt li l-kaċċatur kellu kondotta nadifa. Minbarra, is-sentenza sospiża u multa ta’ €5,000, huwa ġie pprojbit li ma jsegwix il-kaċċa għal għomru, kif ukoll li ma jistax iġorr arma għal ħames snin u li jrid iħallas il-multa fi żmien sena.

Intant, ftit sigħat wara d-deċiżjoni tal-Qorti, l-pulizija qalet li se tappella s-sentenza u li se tisħaq għal terminu ta’ ħabs effettiv u mhux sentenza sospiża. 

L-Avukat Gianella de Marco dehret għall-kaċċatur, filwaqt li l-Ispetturi Jurgen Vella u Mario Tonna mexxew il-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija