Ħeba l-eroina f’bajda tal-Kinder
mill-Qorti
More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Raġel ta’ 51 sena minn Ħaż-Żebbuġ, ġie kkundannat tliet snin ħabs u mmultat €2,500 wara li nstab ħati li fl-1999 u fl-2002 kien jitraffika d-droga eroina.
Anthony Borg, instab ħati wkoll li kien jitraffika d-droga eroina, u li kien fil-pussess tagħha f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Fl-ewwel okkażjoni, l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras semgħet kif kienu nstabu 27 qartas ta’ eroina, b’uħud minnhom jinstabu fil-bajda tal-Kinder. Il-pulizija, permezz tal-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, li dak iż-żmien kien spettur, qal li fis-16 ta’ April 1999, l-iskwadra ta’ kontra d-droga għamlu tfittxija fir-residenza ta’ Borg f’Ħaż-Żebbuġ.
Hemmhekk il-pulizija sabu d-drogi u kif ukoll iltaqgħu ma’ persuni li marru fil-post biex jixtru d-droga.
Il-pulizija - li l-Qorti semgħet li kienu għamlu t-tfittxija wara li rċevew xi informazzjoni - sabu lill-akkużat flimkien ma’ sħabu Mario Borg u Josmar Borg. Minkejja li ma nstab xejn fuq il-bejt tal-imputat, il-pulizija għamlet tfittxija fuq il-bejt tal-bini maġenb il-blokka tal-appartamenti fejn kien joqgħod hu.
Hemmhekk instabet kapsula tal-plastik b’numru ta’ qratas tal-karti bi trab kannella u biċċa foil li kien fiha biċċa tal-plastik żgħira trasparenti, li wkoll kien fiha trab kannella, b’piż ta’ 1.98 gramma.
Waqt it-tfittxija, l-pulizija kienet arrestat ukoll lil ċertu Anthony Abela, li kellu f’idu Lm5 biex jgħaddihom lil Anthony Borg. Dan u l-persuni preżenti ġew arrestati. Fix-xhieda tiegħu, Mario Borg, qal li dakinhar, l-akkużat kien tah madwar tliet pakketti droga ta’ xi xogħol li għamillu fil-gallinar.
Sussegwentement Borg tressaq il-Qorti mixli li fid-dar imsemmija u fix-xhur ta’ qabel kien qed jitraffika d-droga. Huwa kien ġie akkużat ukoll b’akkużi simili, dik li fis-17 ta’ Frar, 2002 ittraffika d-droga eroina. Fiż-żewġ okkażjonijiet l-akkuża kienet tgħid li huwa wettaq ir-reat flimkien ma’ persuni oħrajn.
Maġistrat Natasha Galea Sciberras sabet lil Borg ħati tal-akkużi u kkundannatu tliet snin ħabs u multa ta’ €2,500. Il-Qorti ordnat li d-droga tiġi meqruda.