“Irridhom mejtin”

Joanna Gonzi dwar Bobby Cali u Martin Debono skont rekording depożitati fil-Qorti

Martin Debono u Yves Bobby Cali
Martin Debono u Yves Bobby Cali

Is-Sindku Joanna Gonzi ridithom mejtin. Hekk jinstema’ bl-iktar b’mod ċar f’rekording li hemm depożitat fil-Qorti. Gonzi kienet qed tirreferi għal Martin Debono u Bobby Cali fil-preżenza ta’ Cyrus Engerer u Svetlana Curmi. Gonzi qalet ukoll li tixtieq li omm Martin Debono tmut b’attakk tal-qalb. 

Ir-rekording ukoll juru konfoffa mit-tliet persuni biex Bobby Cali u Martin Debono ma jibqgħux fil-kunsill. Tant hu hekk li kien l-Ispettur Gafa li kien arrestahom fuq akkużi wara li ‘rċieva’ żewġ ittri anonomi.

Din il-ġimgħa l-Qorti ħelset minn kull akkuża liż-żewġ kunsilliera Slimiżi Martin Debono u Yves Bobby Cali.

Il-każ kien ibbażat fuq miżappropriazzjoni ta’ flus tal-Kunsill fuq xiri ta’ laptops kif ukoll tbagħbis fil-memorja tal-istess kompjuters.

Debono u Cali kienu spiċċaw arrestati u mitfugħa ġo ċelel fid-depot tal-pulizija filwaqt li Debono kien spiċċa anke mneżża minn ħwejġu waqt l-arrest.

Svetlana Curmi
Svetlana Curmi
Joanna Gonzi
Joanna Gonzi
Cyrus Engerer
Cyrus Engerer

Fis-smiegħ tax-xhieda fil-Qorti ġew ippreżentati rekordings meħuda mil-laqgħat tal-istess Kunsill li l-Qorti approvat bħala rekordings awtentiċi. F’dawn ir-rekordings tinstema’ l-vuċi tas-Sindku Joanna Gonzi tgħid li riedet lil Debono u lil Cali mejta u li xtaqet li omm Debono jagħtiha attakk tal-qalb.

Tinstema’ wkoll il-vuċi tal-Viċi Sindku Cyrus Engerer li meta Gonzi qalet li riedet lil Debono u lil Cali mejtin jgħidilha biex ittihom daqqa ta’ martell, b’ Gonzi tkompli tinsisti li onestament riedet toqtolhom. 

Mir-rekordings ippreżentati l-qorti toħroġ ukoll il-kunfidenza li kien hemm bejn is-Sindku Gonzi u Svetlana Curmi li kient tokkupa l-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill. Hi tinstema’ ssejjaħ lis-Sindku Gonzi bħala “pupa tiegħi” u “babes.” 

Konfoffa bejn Gonzi, Engerer u Curmi

Żewġ ittri anonimi mibgħuta lill-Ispettur tal-Pulizija Angelo Gafa wasslu biex żewġ kunsilliera Slimiżi spiċċaw arrestati u akkużati b’miżapproprjazzjoni ta’ kompjuters u tbagħbis tal-istess apparat. 

Il-Każ instema’ din il-ġimgħa quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn wara li semgħet ix-xhieda ppreżentati quddiemha, ħelset lill-akkużati fuq nuqqas ta’ provi ppreżentati mill-prosekuzzjoni u anke fuq il-fatt li l-Kunsill kien approva x-xiri tal-istess apparat.

Fatt kurjuż waqt is-smiegħ tal-każ kienu r-rekordings ippreżentati tal-laqgħat tal-Kunsill li milli jidher, ir-rekorders ma ntfewx fi tmiem il-laqgħat u baqgħu jirrekordjaw id-diskorsi li saru fi tmiem il-laqgħat, liema rekordings ġew aċċettati bħala awtentiċi mill-Qorti nnifisha.

Dawn ir-rekordings jikxfu l-konfoffa li kien hemm għaddejja bejn is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Svetlana Curmi, il-Viċi Sindku Joanna Gonzi u l-Kunsillier Cyrus Engerer sa ma qabel seħħ dan il-każ. It-tlieta kienu qed jistennew li jitwarrab is-Sindku Nikki Dimech sabiex Joanna Gonzi tieħu postu filwaqt li Engerer jieħu post Gonzi bħala Viċi Sindku.

Wara r-riżenja ta’ Nikki Dimech u l-ħatra ta’ Joanna Gonzi bħala Sindku, it-tieni tir ta’ Gonzi kien li ttajjar lill-Kunsilliera Martin Debono u Yves Bobby Cali. Fil-fatt, fir-rekording ta’ seduta minnhom, Gonzi tinstema’ tisħaq li riedet lit-tnejn li huma mejta u li onestament riedet toqtolhom. 

Ftit wara, Debono u Cali kienu spiċċaw arrestati mill-pulizija u akkużati b’miżappropjazzjoni ta’ flus u tbagħbis fl-apparat tal-kompjuters wara li żewġ ittri anonimi kienu ntbagħtu direttament lill-Ispettur Angelo Gafa.

Mhuwiex magħruf kif se jaġixxi Cyrus Engerer wara din ir-rivelazzjoni, l-iktar l-iktar wara li dan is-sajf il-Qorti tal-appell sabitu ħati f’każ kriminali. Engerer li kien Nazzjonalist akkanit illum huwa fdat mill-Gvern ta’ Muscat.

More in Qrati u Pulizija