[AĠĠORNAT 3] Ġuvni Daniż jippoża ta' tabib f'Mater Dei u jinvista n-nisa

Michael Chamilo Precht arrestat u interrogat fuq l-allegazzjonijiet li qed jippoża ta' tabib. Qed ikun akkużat fil-Qorti.
 

Michael Chamilo Precht
Michael Chamilo Precht

Il-Pulizija tad-Distrett qegħdin jinvestigaw każ fejn qed ikun allegat li ġuvni ta' nazzjonalità Daniża, Michael Chamilo Precht, kien qiegħed jagħmilha ta' tabib fl-isptar Mater Dei u jeżamina n-nisa. Iż-żagħżugħ ilmenta li kellu xi uġigħ u anke ttieħed l-isptar imma dalgħodu ffirma biex jitlaq mill-isptar u tressaq il-Qorti.

Qed ikun allegat li dan iż-żagħżugħ ilu jagħmel din il-bawxata għal dawn l-aħħar ġimgħat. L-istorja bdiet meta ż-żagħżugħ mar fl-Emerġenza u qal lil wieħed mill-infermieri li huwa paramediku mid-Danimarka. Huwa mifhum li l-infermier qallu li hemm proċeduri li jrid jgħaddi minnhom biex jaħdem fl-isptar tant li qallu li l-ewwel irid ikellem lill-Awtoritajiet tal-Isptar biex iġib il-permessi meħtieġa.

Precht ma kellem lil ħadd iżda ħa nota tal-ismijiet li għaddielu l-infermier. Ftit jiem wara mar l-Emerġenza u kellem lis-Security, qallu li għandu permess mingħand dawn il-persuni u li kien qed jaħdem l-isptar bħala paramediku f'wieħed mill-programmi ta' skambji bejn Malta u pajjiżu.

Qed ikun allegat li l-ġuvni kiteb fuq Facebook li qed ifittex tfajliet biex jaħdmu f'film ġdid, iżda qabel japplikaw kellhom jattendu għal test mediku fl-isptar Mater Dei. Għaldaqstant reġa' mar l-Isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Outpatients fejn kien hemm xi tfajliet u nisa biex jagħmlu dan "l-eżami mediku". Id-Daniż talab lil wieħed mill-membri tas-sigurtà biex jiftaħlu kamra li dak il-ħin kienet battala peress li ma kienx il-ħin normali.

Jidher li wħud minn dawn it-tfajliet daħlilhom suspett għal mod kif kienu qed imisshom waqt dan is-suppost "eżami mdeiku"  u għamlu rapport mal-Pulizija. Huwa mifhum li fil-jiem li għaddew il-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Imsida bdew jinvestigaw il-każ u arrestaw liż-żagħżugħ. Waqt li kien qed ikun interrogat, huwa lmenta minn xi uġiegħ f'sidru u ttieħed l-Isptar Mater Dei, din id-darba bħala pazjent, fejn kien hu li kien eżaminat taħt is-sorveljanza tal-Pulizija.

Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta jidher li dan il-ġuvni diġà wettaq reati bħal dawn fl-Iskandinavja. Għall-iktar informazzjoni ara billi tagħfas hawn.

More in Qrati u Pulizija