Mart il-vittma saret taf minn fuq ir-radju

Qtil ta’ missier f’Ta’ Qali fl-1999 mis-sensiela ta' omiċidji mhux solvuti

Pulizija u esperti tal-Qorti ħdejn il-katavru ta’ Bonnici
Pulizija u esperti tal-Qorti ħdejn il-katavru ta’ Bonnici

Il-qtil ta’ Mario Bonnici, li kien magħruf bħala Maurice, ta’ 45 sena mir-Rabat, ħalla familja mhux biss imkissra bin-niket, imma b’diversi mistoqsijiet li ħafna minnhom sal-lum għadhom mhux imwieġba. Fosthom hemm il-mottiv – Maurice Bonnici għaliex inqatel? Minħabba kwistjoni ta’ wirt fil-familja jew biex jinsteraqlu gabjun kif il-Pulizija ħasbu fl-ewwel investigazzjonijiet tagħhom? Jista’ jkun li l-qattiel għamel xi żmien jgħix l-Awstrajla?

Mar jonsob bħas-soltu

Għall-familja ta’ Maurice nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru 1999 kienet ġurnata oħra normali bħal kull jum ieħor. Maurice qam kmieni biex imur jonsob, ipprepara xi ħaġa biex jeħodha miegħu u niżel bil-vann Transit Abjad lejn l-għalqa li kellu fil-limiti ta’ Ta’ Qali magħrufin bħala Tal-Ħemsija. Dan kien ftit qabel il-5am.

Bonnici, li mar-Rabtin kien ukoll magħruf bil-laqam Tan-Nar, ħalla l-vann mal-ġenb tal-għalqa u beda jħott l-affarijiet konnessi mal-insib u beda jpoġġihom fil-mansab. X’aktarx li Bonnici kienx diġà ħa l-affarijiet li kellu fid-dura tiegħu, inkluż is-senter, u kien sejjer iġib aktar affarijiet li kellu fil-vann.

Li ma kienx jaf Bonnici li mistoħbi wara xi siġar kien hemm xi ħadd jistennih biex joqtlu.

Kif Maurice kien għadu qrib il-vann il-qattiel mar minn warajh u spara tir li laqat lil Bonnici minn wara u laqtu fil-warrani. Dan kien evidenti minn traċċi ta’ demm li nstabu qrib il-vann Transit. Minkejja li dak il-ħin kien għadu d-dlam mhux eskluż li Bonnici xorta waħda għaraf li dak li ried joqtlu. 

Minkejja li kien ferut Bonnici telaq jiġri fid-direzzjoni tad-dura, kemm biex jipprova jaħrab mill-aggressur kif ukoll b’tentattiv li jmur għas-senter biex jiddefendi lilu nnifsu. Iżda l-kriminal ma kienx mar hemm biex ibeżża’ lill-vittma, iżda ried akkost ta’ kollox joqtlu tant li l-ewwel ħalla lil Bonnici jpoġġi s-senter fid-dura biex ma jkunx armat u stennih imur lura lejn il-vann. Dawn id-dettalji taw lill-investigaturi x’jifhmu li l-qattiel kien jaf sew il-passi ta’ Bonnici u r-rutina tiegħu.

Bonnici leħaq wasal f’nofs l-għalqa bid-demm ħiereġ, liema demm instab fit-trejqa, bil-qattiel jiġri warajh. Kif il-qattiel wasal qrib ta’ Bonnici sparalu tir ieħor li laqtu f’għonqu u Bonnici niżel wiċċu ’l isfel fil-ħamrija. Kif kien fl-art il-kriminal resaq lejn il-vittma, poġġa l-kanna tas-senter ma’ ras Bonnici u spara tir ieħor li mat-tir moħħ il-vittma u partijiet minn rasu tferxu fil-ħamrija li dak il-ħin kienet xi ftit imxarrba x’aktarx bin-nida li għamlet.

Nassab isib lil sieħbu mejjet

Karmenu Caruana, li 15-il sena ilu meta nqatel Maurice Bonnici kellu 58 sena, kien nassab u barra li kien ħabib ta’ Bonnici kien ukoll ġar tiegħu kemm ir-Rabat kif ukoll peress li kellhom l-għalqa ħdejn xulxin.

Dakinhar Caruana mar ukoll bħas-soltu biex jonsob u ra lil sieħbu fl-art imma x-xena li ra quddiemu kkonfondietu. Ftit tal-ħin wara kif beda jisbaħ, nassab ieħor, Jason Sant li kellu 28 sena, kien qed jittrombja biex jara jekk kienx hemm xi għasafar. Miegħu kien hemm zijuh, Feliċ Sant.

Kif Sant kien qed idur, bit-tromba ra lil Bonnici mitluq fl-art wiċċu ’l isfel. Huwa qal lil zijuh li Maurice kien fl-art u x’aktarx kien ħassu ħażin.  

Feliċ telaq kollox minn idejh u mar jara x’kien ġaralu Maurice. Kif wasal ħdejh sab xena li qatt f’ħajtu ma basar li kien se jara. Feliċ baqa’ xxukkjat meta ra lil Bonnici b’ferita gravi f’rasu u għonqu u dmijja madwaru.

Feliċ Sant mar fuq in-naħa l-oħra tat-triq u mar jiġri lejn il-Villaġġ tas-Snajja biex jitlob l-għajnuna. Ftit tal-ħin wara waslet ambulanza kif ukoll it-Tabiba Sarah Vella miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, iżda t-tim mediku ma seta’ jagħmel xejn għax Bonnici kien mejjet.

Bdew jaslu l-Pulizija

L-ewwel ma kienu waslu fuq il-post tad-delitt kienu dawk mill-Iskwadra tal-Mobile li min-naħa tagħhom għamlu kuntatt mas-superjuri tagħhom li infurmawhom li kien seħħ qtil f’Ta’ Qali.

Għall-ħabta tas-7.30am bdew jaslu numru ta’ Pulizija fosthom dawk tad-Distrett immexxijin mill-eks Spettur David Gatt. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin bdew jaslu aktar uffiċjali fejn kien hemm John Rizzo li dak iż-żmien kien Assistent Kummissarju u llum Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, l-eks Assistent Kummissarju Alfred Abela, is-Supretendent Raymond Zammit, illum Deputat Kummissarju u uffiċjali oħrajn.

Rita Bonnici flimkien ma’ binha James (xellug) u ħuha Daniel
Rita Bonnici flimkien ma’ binha James (xellug) u ħuha Daniel

Minn hawn bdiet investigazzjoni biex jinstab il-qattiel jew qattiela ta’ Maurice Bonnici. Saret tfittxija fil-vann tal-vittma kif ukoll fid-dura li kellu. 

Meta l-Pulizija għamlu tfittxija fid-dura u fil-mansab ta’ Bonnici sabu li l-gabjuni bl-għasafar kollha kienu neqsin. B’hekk l-ewwel suspett kien li Bonnici nqatel biex jinsterqulu l-gabjuni bl-għasafar tal-għana. Kien hemm min qal li Bonnici kien ikollu madwar 40 għasfur tal-għana meta kien imur jonsob. Imma peress li nstab is-senter ta’ Bonnici kif ukoll oġġetti oħrajn li setgħu wkoll ittieħdu, il-Pulizija ma kkonċentrawx biss fuq is-serqa u firxu l-istħarriġ tagħhom anke fuq mottiv personali fosthom wirt, qbiela jew dwar ir-raba’ li kellu.

Kien hemm min qal li l-qattiel seraq il-gabjuni bl-għasafar, li dak iż-żmien kienu stmati li jiswew madwar €800, biex jiżvija lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet.

Tasal martu u ibnu fuq ix-xena tad-delitt

Sa aktar minn tliet sigħat wara li l-katavru ta’ Maurice Bonnici nstab mitluq f’għalqa, il-familja tiegħu kienet għadha mhix informata u martu Rita kellha l-impressjoni li żewġha kien għadu qed jonsob jew qed jaħdem fl-għalqa. 

Fil-fatt Rita Bonnici nħasdet meta kienet id-dar u fuq stazzjon tar-radju ħarġet l-aħbar li kien seħħ omiċidju f’Tal-Ħemsija f’Ta’ Qali u li fuq il-post kien għad hemm il-katavru ta’ Maurice Bonnici.

Rita u Maurice għandhom tliet ulied – żewġt ibniet u tifel – Rodianne, James u Tracy li dakinhar kellhom 16-il sena, 13-il sena u disa’ snin rispettivament. Rita telqet kollox u flimkien ma’ binha James marru lejn l-għalqa. Kif waslet mart il-vittma telqet tiġri fejn kien għad hemm ir-raġel tagħha mejjet li l-katavru tiegħu kien mgħotti b’liżar. Kienet xena kommoventi fejn il-Pulizija kellhom iżommu lill-mara milli tibqa’ sejra għal fuq il-katavru.

Marru wkoll qraba oħrajn fosthom ħu Rita, Daniel, li għamel minn kollox biex jipprova jikkonsla li oħtu.

Il-katavru ta’ Maurice Bonnici qed jittieħed minn fuq il-post fejn inqatel
Il-katavru ta’ Maurice Bonnici qed jittieħed minn fuq il-post fejn inqatel
Karmenu Caruana (xellug), in-nassab li sab lil sieħbu mitluq mejjet fl-għalqa
Karmenu Caruana (xellug), in-nassab li sab lil sieħbu mitluq mejjet fl-għalqa

Ħafna nies fuq ix-xena tar-reat

Il-ġurnalisti tħallew ’il bogħod mix-xena tar-reat tant li ma rċevew l-ebda koperazzjoni mill-Pulizija. Tant ma ngħatat l-ebda informazzjoni ta’ x’kien ġara li meta wieħed mill-uffiċjali tal-Pulizija ġie mistoqsi biex jgħid xi ħaġa, b’ton sarkastiku hu wieġeb “Xi ħaġa”.

Iżda minkejja li ngħatat l-ordni lill-ġurnalisti biex jersqu lura biex ix-xena tar-reat tibqa’ priservata, f’ħin minnhom intlemħu madwar 16-il persuna, fosthom l-istess investigaturi, x-xufiera tagħhom, Pulizija oħrajn, il-Maġistrat tal-Għassa, esperti tal-Qorti u membri tal-Forensika, kollha għaddejjin min-naħa għal oħra fl-għalqa fejn ix-xena kollha kienet għadha mhix priservata.

L-aċċess fuq il-post tad-delitt tmexxa mill-Maġistrat Dr Jacquilne Padovani li ħatret numru ta’ esperti, fost dawn kien hemm il-Perit Richard Aquilina u l-espert tal-armi l-Brigadier Maurice Calleja.

L-uniku informazzjoni uffiċjali li kienet waslet għand il-ġurnalisti mingħand il-Pulizija permezz tas-CMRU kienet fis-2.03pm, sebgħa sigħat wara li l-Pulizija kienu infurmati bid-delitt.

L-aċċess kien ħa fit-tul tant li l-katavru ta’ Maurice Bonnici tneħħa minn fuq il-post fil-11.30am bil-hearse tal-Pulizija fejn ittieħed il-kamra mortwarja biex issirlu l-awtopsja.

Skartoċċ tal-Awstralja

Minn fuq il-post qrib id-dura l-Pulizija kienu elevaw skartoċċ imċappas bid-demm li qajjem suspett minħabba l-post fejn instab li kien ftit ’il bogħod mill-katavru. Meta d-demm fuq dan l-iskartoċċ kien analizzat irriżulta li kien demm tal-vittma u għalhekk il-ftit tama li dan seta’ b’xi mod kien tal-agressur taret mar-riħ.

Iżda l-iktar skartoċċ li kien ta’ interess kien wieħed li kien jinbiegħ fl-Awstralja biss u l-kumpanija li kienet timmanifaturahom ma kinitx tesporta dawn it-tip ta’ skrataċ. Għaldaqstant daħal suspett li l-qattiel seta’ xi darba għamel xi żmien jgħix l-Awstralja. Imma l-Pulizija qatt ma waslu għal xi ħadd.

Dakinhar stess tal-omiċidju kif ukoll fil-jiem ta’ wara dan il-qtil, il-Pulizija kienu bagħtu għal diversi persuni biex jgħinuhom fl-investigazzjonijiet. Fost dawn kien hemm kaċċaturi u nassaba, ħafna minhom mir-Rabat stess li kienu jafu sew lil Maurice Bonnici. 

Il-Pulizija kienu wkoll talbu lil dawn il-kaċċaturi biex jieħdu magħhom is-senter tal-kaċċa biex ikunu eżaminati mill-esperti ballistiċi.  

Ma naqasx li bħalma jiġri f’kull każ il-Pulizija kellmu wkoll fit-tul membri tal-familja tal-vittma biex forsi jsibu tarf minn fejn jibdew jinvestigaw. Nifhmu li l-Pulizija wrew interess dwar xi wirt, min kienu l-eredi, minn kellu xi argument mal-vittma u mottivi oħrajn.

Għalkemm kull biċċa informazzjoni li waslet għand l-investigaturi kienet investigata bir-reqqa kollha, il-Pulizija baqgħu ma waslu għall-ebda arrest.

B’hekk dan il-każ huwa ieħor fil-lista ta’ omiċidji mhux solvuti.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Qrati u Pulizija