Raġel ta’ 29 sena u tfajla ta’ 17-il sena qed jingħataw kura għal ġrieħi serji wara żewġ inċidenti separati li seħħew nhar il-Ġimgħa, skont stqarrijia tal-Pulizija.
L-ewwel inċident seħħ il-Mellieħa għall-ħabta tal-5:30pm, meta tfajla ta’ 17-il sena ntlaqtet minn Jeep Grand Cherokee fi Triq il-Marfa. Il-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti ż-Żejtun. Wara li laqat lit-tfajla, il-Jeep spiċċa ħabat f’Honda Civic li kienet ipparkjata mal-ġenb.
It-tfajla ngħatat l-ewwel għajnuna fuq il-post u ttieħdet b’urġenza l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, fejn ġiet ikkonfermata li qed issofri minn ġrieħi serji.
Ftit aktar minn sagħtejn wara, għall-ħabta tas-7:45pm, seħħ inċident serju ieħor fil-Gudja.
Raġel ta’ 29 sena minn Birżebbuġa kien qed isewwi puncture ta' Ford Fiesta li waqfet fi Dawret il-Gudja, meta ntlaqat minn Skoda Fabia misjuqa minn raġel ta’ 50 sena residenti l-istess lokalità.
L-impatt ikkawża li l-vittma spiċċa msakkar bejn iż-żewġ vetturi u sofra ġrieħi serji. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna fuq il-post qabel ma ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn għadu qed jingħata kura għall-kundizzjoni tiegħu.
Żewġ inkjesti separati qed jitmexxew mill-Maġistrat Ian Farrugia dwar dawn l-inċidenti. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga ż-żewġ każijiet.