Dalgħodu saret iċ-ċerimonja ta’ ħatra għal 64 Uffiċjal Korrettiv ġdid fil-Ħabs ta’ Kordin. B’hekk l-operat f’din il-faċilità tkompliet tissaħħaħ. Dawn l-64 uffiċjal intgħażlu minn fost 500 applikant.
Iċ-ċerimonja saret fl-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja fejn saret ukoll il-‘Passing Out Parade’ fil-preżenża tal-qraba tal-uffiċjali l-ġodda.
Wara li s-60 raġel u erba’ nisa ngħataw iċ-ċertfikat tal-ħatra mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, il-ministru indirizza li dawn l-uffiċjali ġodda. Huwa ferħilhom u wissihom li issa se jibda il-mument ta’ prova hekk kif se tibda l-ħidma tagħhom fil-ħabs.
Carmelo Abela li s-sitt ġimgħat ta’ taħriġ li għaddew minnu kien perjodu impenjattiv li matulu ġew imħarrġin f’diversi oqsma fothom il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ħabs, tifi tan-nar, fl-ewwel għajnuna u oħrajn. Huwa qal li permezz tal-fakultá tal-kriminoloġija fl-Universitá ta’ Malta huma ngħataw ukoll taħriġ bażiku fuq teoriji tal-kriminoloġija.
Il-Ministru Abela qal li huwa importanti li l-uffiċjal jkunu ppreparati tajjeb biex jgħinu u jmexxu lir-residenti biex jirriformaw ruħhom. Huwa saħaq li huma għandhom quddiemhom sfida u triq li mhumiex faċli. Irid ikollhom karattru sod, dixxiplina u mġieba eżemplari. Minn naħa tiegħu il-Gvern hu kommess biex jgħin lir-residenti jintegraw ruħhom aħjar fis-soċjetà.
Carmelo Abela qal li qed issir investiment fir-riżorsi umani filwaqt li fakkarhom li issa mhumiex gwardjani imma Uffiċjali Korrettivi.
L-Aġent Direttur tal-Ħabs, id-Deputat Kummissajru Raymond Zammit, meta indirizza lill-Uffiċjali l-ġodda qal li l-karriera li għażlu titqies bħala waħda diffiċli. Id-doveri jifirxu fuq tliet pilastri kbar l-edukazzjoni, l-industrija u sport. Huwa saħaq dwar ir-rispett lejn xulxin u lejn il-priġunieri mingħajr ebda distinzjoni.
Minbarra ċ-ċertifikati ngħataw ukoll premju lill-ewwel ikklassifikat fl-Ordni ta’ Meritu lil Joseph Spiteri u t-tieni ġie Clayton Laus.