Tliet min-nies spiċċaw l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti tat-traffiku separati.
L-ewwel inċident seħħ fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, meta s-sewwieqa, mara ta’ 50 sena mir-Rabat, Għawdex, tilfet il-kontroll tal-karozza tagħha u baqgħet dieħla f’arblu tad-dawl. Magħha kien hemm passiġġier, raġel ta’ 29 sena li huwa wkoll mir-Rabat, Għawdex. Wara li ttieħdu l-isptar, ħareġ li l-mara weġġgħat gravi iżda r-raġel jidher li sofra biss ġrieħi ħfief.
It-tieni inċident seħħ fi Triq il-Kappillan Mifsud, il-Ħamrun, fejn jidher li raġel ta’ 23 sena ntlaqat minn karozza li baqgħet għaddejja waqt li kien qed isuq il-mutur. Jidher ukoll li dan l-inċident ħalla s-sewwieq tal-mutur imweġġa’ gravi.