Il-Qorti Kostituzzjonali tirrevoka l-kumpens għal Daniel Holmes

Il-Qorti Kostituzzjonali rrevokat deċiżjoni li tagħti €7,000 kumpens lil Daniel Holmes

ll-Qorti Kostituzzjonali rrevokat deċiżjoni biex tagħti €7,000 f'kumpens lil Daniel Holmes li qed jiskonta sentenza ta' għaxar snin u nofs ħabs talli kkultiva l-kannabis.

L-imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Noel Cuschieri, li kienu qed jippresedu l-Qorti Kostituzzjonali, dalgħodu laqgħu t-talba tal-Avukat Ġenerali dwar deċiżjoni li ttieħdet f'Ottubru meta l-Qorti kienet tat €7,000 f'kumpens lil Holmes minħabba d-dewmien fil-kawża tiegħu.

Holmes ġie arrestat f'Ġunju tal-2006 wara tfittxija fl-appartament tiegħu f'Għawdex li rriżultat f'kilo weraq tal-kannabis niexef u ammont żgħir ta' raża tal-kannabis. Hu kien ammetta li kien fil-pussess tad-droga, li kkultivaha u traffikaha, f'Novembru tal-2011. Hemmhekk, Holmes ingħata sentenza ta' 10 snin u multa ta' €23,000. Holmes kien ammetta għall-kawżi miġjuba kontrih imma sostna li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu.

Fl-appell tiegħu, Holmes insista li l-avukat Għawdxi li ingħatalu fil-bidu, ma kienx speċjalizzat fil-liġi kriminali. Argumenta li s-sistema ma żguratx assistenza legali adekwata u b'hekk kien hemm vjolazzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali tiegħu.

Holmes allega wkoll li ma tħalliex ikollu avukat waqt il-proċess tal-interrogazzjoni u ma kellux aċċess għall-fajl tiegħu li wkoll huma f'vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Minkejja dan, il-Qorti Kostituzzjonali ma qablitx ma dan u filwaqrt li rrevokat il-kumpens ta' Holmes, ordnatlu biex iħallas l-ispejjeż tal-każ. Mhux magħruf alissa jekk Holmes hux se jieħu l-każ fil-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem.

More in Qrati u Pulizija