Fi stqarrijja l-Malta Gaming Authority qalet li, b'effett immedjat, issospendiet il-liċenzja ta' Uniq Group Limited (Betuniq) u Betsolurion4U Limited. Dawn ilhom joperaw f'Malta mis-sena 2011. Dan il-pass ittieħed wara li saru investigazzjonijiet u arresti mil-Awtoritajiet Taljani bl-għajnuna tal-Pulizija Maltija. L-MGA qed tipprovdi s-sapport kollu li hemm bżonn lill-awtoritajiet biex titħares ir-reputazzjoni ta' Malta u dan is-settur jinżamm nadif mill-ħasil tal-flus u kriminalità. L-MGA qed tinforma lil entitajiet simili bħalha fl-istati membri Ewropej dwar dan il-każ.
Illum l-assi ta' sitt kumpaniji reġistrati f'Malta ġew iffriżati minħabba allegati rabtiet mal-Mafia. Qed ikun rapportat ukoll li sitt Taljani se jitressqu l-Qorti llum stess b'rabta ma' dan il-każ.
Il-Pulizija Taljana qalet li nisġa ta' kumpaniji tal-imħatri li fosthom għandhom il-kwartieri f'Malta għandhom konnessjonijiet mal-Ndragheta li hi l-organizazzjoni kriminali tal-Kalabrija.
Il-Pulizija ta' Kalabrija iddeskrivew lil Mario Gennaro (39 sena) li l-indirizz tiegħu hu reġistrat f'Pendergardens San Ġiljan bħala l-moħħ wara l-imħatri llegali fl-Italja f'isem l-Ndragheta. Sit taljani, gennaro, margherita Giudetti (34 sena), Francesco Ripepi (38 sena), Alessandro Ciaffi (40 sena), Rocco Fipepi (36 sena) u Fortunato Siracuzzi (37 sena) li huma konnessi ma' Betuniq brand u li kienu qed jgħixu f'Malta ġew arrestati wara warrant Ewropew u se jibqgħu arrestati għal 10 ijiem sa ma jiġu deportati l-Italja.
Fuq il-mezzi tax-xandir Taljani kien rappurtat ukoll li t-Tnejn li għadda, Vincenzo Locorotundu, Mafjuż ta' 32 sena li kien ilu mfittex mill-Pulizija, ġie arrestat fi Sqallija malli wasal bil-katamaran minn Malta.