Kienu diversi ġimghat ta’ osservazzjoni li wasslu lill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga għas-sejba ta’ ħdax-il kilogramma ta’ dik li hi maħsuba li hi droga u l-arrest ta’ raġel ta 39 sena li huwa residenti ż-Żejtun.
Dan wara li lbieraħ l-investigazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom filgħaxija, meta saru tfittxijiet f’żewġ propjetajiet tar-raġel fil-Marsa u fiż-Żejtun. Fiż-żewġ postijiet flimkien instabu tmien kilogrammi ta’ dik li tidher li hi Kokaina u tliet kilogrammi Eroina.
Uħud minn din id-droga qed tidher fir-ritratt anness ma’ din l-istqarrija.
F’dawn it-tfittxijiet instabu wkoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa ġie infurmat b’din is-sejba, u ġew appuntati diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta. Ir-raġel involut ser jitressaq il-qorti fis-sigħat li ġejjin.