Tliet inċidenti.....tlieta gravi

Tliet persuni jkorru gravi f’inċidenti separati

Dalgħodu l-Pulizija ġiet infurmata li kienu seħħew tliet inċidenti separati u li fihom kienu weġġgħu xi persuni.

 

Għall-ħabta tas-sebgħa u nofs, il-Pulizija tal-Għassa taż-Żurrieq ġiet infurmata li fi Triq Pietru Pawl Saidon, iż-Żurrieq, kien seħħ inċident tat-traffiku. Il-Pulizija marret minnufih fil-post indikat lilha u sabet li raġel kien safa’ milqut minn vettura Hyundai Excel misjuqa minn raġel ta’ 49 sena residenti ż-Żurrieq.  Il-midrub huwa raġel ta’ 67 sena ukoll residenti ż-Żurrieq.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

___________________________

F’inċident ieħor separat, il-Pulizija tal-Mosta ġew infurmati li fi Triq iż-Żebbiegħ, l-Imġarr kien seħħ inċident fejn kienu involuti mutur u vettura. L-inċident seħħ għall-habta tat-tmienja nieqes għoxrin ta’ dalgħodu.

 

Malli waslu l-Pulizija fuq il-post sabu li mutur tal-għamla Piaggio misjuq minn raġel Taljan ta’ 51 sena u vettura tal-għamla Toyota misjuqa minn mara Ġermaniza ta’ 35 sena residenti l-Mosta, għal xi raġuni kellhom impatt.

 

Is-Sewwieq tal-mutur ittieħed l-isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

 

 

Ftit wara, għall-habta tat-tmienja u nofs fl-istess triq, seħħ inċident ieħor fejn ukoll kienu involuti mutur u vettura.

 

Il-Pulizija rrikorrew fuq il-post fejn sabu li mutur tal-għamla Yamaha, misjuq minn raġel ta’ 30 sena residenti l-Imġarr ghal xi raġuni kellu impatt ma’ vettura tat-tip Subaru misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti l-Mellieħa.

 

Ix-xufier tal-mutur ttieħed bl-ambulanza l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dawn it-tliet inċidenti għadhom għaddejjin. 

More in Qrati u Pulizija