Serqa ta' €500 minn ħanut tal-logħob spiċċat f'arrest ta' żewġ żgħażagħ.
Iż-żewġt irġiel, wieħed ta' 21 sena u ieħor ta' 18-il sena ġew arrestati ftit tal-ħin wara li ġew misruqa ftit inqas minn €500 fi flus kontanti minn stabbiliment tal-logħob.
Is-serqa seħħet ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-21:40 fi Triq il-Kbira, fil-Mosta. Hemmhekk, raġel mgħammad daħal fl-imsemmi ħanut u filwaqt li poġġa basket fuq il-bank, talab lill-impjegat ta’ 52 sena jtih il-flus.
Mhux eskluż li l-ħalliel kien ukoll armat u dan wara li allegatament ikkarga oġġett u hedded lill-istess impjegat li kien se jweġġgħu jekk ma jtiħx biżżejjed flus.
Madankollu, kien għall-ħabta tal-kwarta ta’ dalgħodu meta ġew identifikati u arrestati ż-żewġ suspettati minn pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, wara aktar stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.