Ilbieraħ, għall-ħabta tal-11:00 ta' filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn stabbiliment tal-logħob li jinsab fix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex, l-Imsida.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġt irġiel kienu daħlu fil-ħanut u bdew jitolbu lill-impjegat ta’ 20 sena sabiex itihom il-flus. Wieħed minn dawn l-irġiel kien allegatament armat b’arma tan-nar.
Waqt li kienet qiegħda sseħħ din is-serqa, ġewwa l-istess ħanut kien hemm ukoll tliet klijenti iżda ħadd minnhom ma weġġa’.
Iż-żewġ ħallelin irnexxielhom jaħarbu minn fuq il-post b’ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Wara li sar iktar stħarriġ, ftit tal-ħin wara, il-Pulizija rnexxielha tidentifika ż-żewġ ħallelin fejn dawn ġew arrestati u qegħdin jinżammu għall-iktar investigazzjonijiet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr A Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-istħarriġ tal-Pulizija għadu għaddej.