Il-Kabinett approva l-ħatra ta’ żewġ Maġistrati ġodda: in-numru ta’ nisa li jservu fil-ġudikatura jiżdied b’10 fil-mija f’inqas minn tliet snin
Il-Kabinett approva l-ħatra tal-Avukat Ingrid Zammit Young u l-Avukat Caroline Farrugia Frendo biex iservu bħala Maġistrati.
B’hekk matul din il-leġiżlatura b’kollox se jkunu saru 13-il ħatra ġdida fil-ġudikatura, b’62% tal-ħatriet ikunu nisa. Dan wassal biex l-ammont ta’ nisa li jservu fil-ġudikatura tela’ minn 35% f’Marzu tal-2013 għal 45%, qabża ta’ xejn inqas minn 10% f’inqas minn tliet snin.
B’dawn il-ħatriet issa se jkun hemm 20 membru tal-ġudikatura li huma nisa, komparati ma’ 24 membru li huma rġiel.
Dan huwa xhieda tal-ħidma tal-Gvern biex iktar nisa jkunu f’pożizzjonijiet kruċjali fis-soċjetà tagħna.
B’dawn il-ħatriet huwa mistenni li tiżdied l-effiċjenza fil-Qrati tal-Maġistrati li waħidhom jitrattaw 94% tal-każijiet kollha li jidħlu fis-settur kriminali. Wieħed irid ifakkar ukoll li matul din il-legiżlatura l-Qorti tal-Maġistrati żdidietilha l-kompetenza oriġinali tagħha kemm fil-kamp kriminali u kif ukoll fil-kamp ċivili.