Il-filmat tas-CCTV igiddibha li stupraha x-xufier

Wara li l-Qorti rat il-filmati tas-CCTV qalet li dak li sar, kien b'kunsens miż-żewġ naħat

Tfajla ta' 21 ngħatat il-libertà proviżorja wara li ġiet akkużata li ħadet ġurament falz u qalet li xufier tal-linja kien stupraha.

Fit-13 ta' Novembru, tfajla minn Ħaż-Żabbar kienet marret tagħmel rapport għand il-Pulizija fejn qalet li xufier kien abbuża biha u stupraha. Il-pulizija kienet investigat il-każ, u rat il-filmati tas-CCTV ta' ġewwa l-karozza li kienet qed tirrekordja l-każ kollu. Għal dan, il-Qorti qalet li dak li kien seħħ kmieni filgħodu, "kien sar b'kunsens miż-żewġ naħat," u l-karozza lanqas biss kienet qed taħdem dak il-ħin.

It-tfajla ġiet akkużata li gidbet fuq ix-xufier, minkejja li kienet taf li dan ma kienx ħati, gidbet fil-qorti kif ukoll li ffabbrikat evidenza.

L-avukat Giannella De Marco wieġbet mhux ħatja għan-nom tat-tfajla, u ngħatat il-libertà proviżjorja fuq depożitu ta' €1,500 u garanzija personali ta' €10,000.

Min-naħa tagħha, il-Malta Public Transport qalet li kienet ikoperat mal-Pulizija meta ġiet mitluba biex tipprovdi l-filmat ta' waħda mill-karozzi tagħha. Il-kumpanija wkoll ikkonkludiet li kien hemm imġiba ħażina fuq karozza tal-kumpanija, li f'dak il-ħin ma kinetx qed topera għall-pubbliku. Minħabba f'hekk, ix-xufier in kwistjoni ġie sospiż dakingar stess, waqt li proċeduri dixxiplinari għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija