Kumpens ta’ €16,270 għal trattament inġust fuq infermiera

Infermiera li ngħatat transfer inġust wara li ġarrbet fastidju minn xi kollegi, rebħet kawża l-Qorti u ngħatat kumpens xieraq

Infermiera li ħadet transfer mill-isptar Mater Dei għal San Vinċenz De Paule, wara li għamlet rapport dwar fastidju minn naħa ta’ xi kollegi tagħha, reġgħet ħadet il-post tax-xogħol tagħha lura, u mgħotija somma ta’ €16,270 mill-qorti, bħala kumpens wara li t-transfer tagħha nstab li kien wieħed abbużiv.

Il-Qorti semgħet kif tul is-snin tal-impjieg tal-infermiera Rita Vella, fit-taqsima tal-qalb fl-isptar Mater Dei, l-imġieba lejha mingħand numru ta’ kollegi tagħha bdiet tmur għall-agħar tul is-snin.

Vella rrapportat din l-imġieba fastidjuża lejha aktar minn darba, iżda r-rapporti tagħha ġew injorati.

Madankollu, rapporti magħmulin kontra Vella minn kollega tagħha ingħataw każ u waslu biex Vella tieħu transfer għal San Vinċenz De Paule. Ir-raġel ta’ Vella, li huwa infermier fl-istess taqsima f’Mater Dei, ġie infurmat li anke hu se jiġi trasferit.

Il-maġistrat sab li fil każ ta’ Vella, il-bord tad-dixxiplina ma mexiex b’mod ġust magħha meta r-rapporti li għamlet kontra l-kollega tagħha ma’ ngħatawx każ, iżda meta mbgħad l-istess kollega irrapportat lura kontriha, ittieħdet azzjoni.

Il-Qorti nnotat ukoll li minn meta Vella ma baqgħetx taħdem fit-taqsima tal-Qalb fl-isptar Mater Dei, l-operat tat-taqsima mar lura, filwaqt li hija ġiet trasferita qabel biss spiċċaw l-investigazzjonijiet dixxiplinari li kien rriżultaw biss fi twissija fil-konfront ta’ Vella, qabel mal-akkużi kollha waqgħu.

Il-Qorti sostniet li t-transfer tal-infermiera kien ordni amministrattiv abbużiv li jmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti ordnat li Vella tingħata kumpens ta’ €16,270 għad-danni li ġarrbet u ordnat li hija terġa tieħu lura l-pożizzjoni tagħha fl-isptar Mater Dei.

More in Qrati u Pulizija