Toni Abela approvat bħala Imħallef

L-Avukat Grazio Mercieca maħtur bħala maġistrat fil-Qrati Inferjuri

Toni Abela u Grazio Mercieca
Toni Abela u Grazio Mercieca

Il-Kabinett tal-Ministri approva n-nomina għall-ħatra tal-Avukat Toni Abela bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri u l-Avukat Grazio Mercieca bħala Maġistrat fil-Qrati Inferjuri. Dawn huma l-ewwel żewġ avukati li se jingħaqdu fil-Ġudikatura wara li għaddew b’suċċess mill-iskrutinju tal-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati.

Dan il-kumitat li beda jopera wara riformi kostituzzjonali li mexxa ‘l quddiem dan il-gvern aktar kmieni din is-sena, ta parir unanimu li ż-żewġ avukati jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibilità u l-mertu biex jingħaqdu fil-Ġudikatura.

Fl-eliġibilità ġie kkonfermat li ż-żewġ avukati għandhom in-numru ta’ snin ta’ prattika tal-professjoni kif stabbilit fil-Kostituzzjoni, u li għandhom warrant validu biex jipprattikaw ta’ avukat f’Malta u li mhumiex soġġetti għal divjeti legali milli tieħu l-kariga fil-Ġudikatura.

Fil-mertu ġie kkonfermat li ż-żewġ avukati għandhom il-ħila jesprimu ruħhom bil-lingwa Maltija u l-lingwa Ingliża u li jikkomunikaw b’mod ċar, għandhom l-integrità, ir-rettezza u l-onestà fil-ħajja pubblika u privata; għandhom l-għarfien tal-liġi, tal-prattika tal-Qrati u l-esperjenza professjonali, għandhom il-bżulija u kapaċi jaħdmu taħt pressjoni ta’ xogħol, diliġenza u ħila analitika, għandhom l-imparzjalità u l-indipendenza, għandhom l-assenza ta’ involviment f’attività kummerċjali jew ta’ negozju li jqanqlu dubji, għandhom il-ħila li jaħdmu f’ambjent ta’ ħidma kolleġġjali, u għandhom l-għarfien tal-kodiċi ta’ etika għall-Membri tal-Ġudikatura u disponibbiltà għall-iżvilupp professsjonali u kontinwu.

Dawn il-kriterji huma pubbliċi u ġew imfassla mill-Kumitat innifsu bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Il-President ta’ Malta mistennija tagħti l-ġurament tal-ħatra liż-żewġ avukati nhar it-Tnejn li ġej.

More in Qrati u Pulizija