Raġel mis-Senegal akkużat bi traffiku ta’ droga

Traffiku ta’ kokaina u kannabis f’paceville wasslu għall-arrest ta’ raġel mis-Senegal

Cisse Ousmane, raġel ta’ 25 sena mis-Senegal, inżamm taħt arrest wara li ġie akkużat bi traffiku tad-droga kokaina u kannabis, kif ukoll bil-pussess ta’ sikkina wara li ġie arrestat f’paceville.

L-akkużi ta’ traffiku kienu aggravati minħaba l-fatt li l-akkużat ġie arrestat f’post frekwentat minn minorenni u żgħażagħ.

Jidher li nhar il-21 ta’ Novembru, għall-ħabta tat-3:30 ta’ filgħodu, Pulizija li kienu fuq ronda f’paceville innotaw lill-akkużat apparentament ibiegħ xi droga lil żewġ tfajliet Taljana quddiem iċ-ċentru kummerċjali Axis f’paceville. Malli l-uffiċjali tal-Pulizija avviċinaw ir-raġel, huwa ntlemaħ jarmi xi ħaġa mal-art, li aktar tard il-Pulizija identifikat bħala raża tal-kannabis u kokaina. Huwa mifhum ukoll li ż-żewġ tfajliet kienu diġà ġew arrestati qabel fuq pussess ta’ droga u xhedu li kienu xtraw l-istess droga mingħand l-akkużat. Waqt is-smiegħ ta’ dalgħodu, Ousmane informa lill-Maġistrat Audrey Demicoli li m’għandux flus biex iħallas avukat, u l-Qorti qabbdet lill-avukat Joseph Ellis biex jiddefendi l-akkużat.

Ousmane spjega fil-Qorti li huwa jinsab bla xogħol, waral Ii tilef l-impjieg li kellhu fil-kostruzzjoni. L-ispettur Trevor Micallef informa l-Qorti li l-akkużat stqarr li lanqas għandu fejn jgħix u li jorqod fil-‘bus stops’. Id-difiża għamlet talba biex l-akkużat jitqies mhux ħati tal-akkużi.

Il-Qorti m'aċċettatx it-talba ta’ ħelsien mill-arrest u rrakkomandat li l-akkużat għandu jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli għas-sigurtà tiegħu stess.

More in Qrati u Pulizija