Nutar serqilhom il-flus tat-taxxa u l-boll u ħarab mill-pajjiż

Il-maġistrat tagħtu sentenza sospiża għal 40 xahar

L-eks nutar Pierre Falzon ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati talli żamm flus li kellu jgħaddihom bħala pagamenti tat-taxxa u l-boll.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat sentenza sospiża lil Falzon, li tteħditlu wkoll il-liċenzja li jiprattika bħala nutar. Il-Maġistrat sabitu ħati talli seraq ftit inqas minn €4,000 fi flus li kellu jħallas b'rabta ma' pagamenti ta' bejgħ ta' garaxx f'Santa Venera.

Ftit ta' żmien ilu, Falzon kellu l-assi friżati meta kien għadu qed jiġi investigat dwar trażazzjonijiet ta' proprjetà f'Birżebbuġa, il-Gżira, l-Iklin, il-Mosta, San Gwann, Santa Venera, San Pawl il-Baħar, Ta' Qali u Ħal Tarxien.

Fil-fatt, fl-2011 Falzon kien ħarab mill-pajjiż lejn Spanja fejn imbagħad kien ġie arrestat u mibgħut lejn Malta.

Fil-każ tal-lum, il-Qorti kkunsidrat li dan kien każ iktar serju minħabba l-fatt li kien kommess minn uffiċjal pubbliku, anke jekk l-akkużat qal li rrinunċja għall-warrant tiegħu għaliex qata' qalbu minn din il-karriera.

Fid-deċiżjoni tal-Qorti, ġie kkunsidrat li dan kien persuna li minkejja l-obbligazzjoni legali li jħares l-interessi tal-klijenti tiegħu, iddeċieda li jqarraq bihom.

Falzon ingħata sentenza ta' tliet snin priġunerija sospiża għal 40 xahar, u ngħata sentejn li fihom għandu jħallas lura t-€3,865 li kien ħa.

More in Qrati u Pulizija