Filmati tas-CCTV li juru żewġt irġiel jisirqu d-diesel u oġetti oħra minn vann Toyota mill-Fgura, wasslu biex raġel ta' 38 minn Ħaż-Żabbar jittella l-Qorti fuq akkużi ta' serq aggravat, ħsara kriminali fuq propjetà u pussess ta' oġġetti misruqin.
L-ispetturi tal-prosekuzzjoni, Spiridione Zammit u Chantelle Casha resqu dan il-każ ta' serq, li seħħ fil-Fgura fil-lejl tat-23 ta' Novembru quddiem il-maġistrat Natasha Galea Sciberras.
L-akkużat ġie mixli ukoll li seraq xi batteriji minn vann ta' dipartiment tal-Gvern, li kien ipparkjat Bormla fit-22 ta' Novembru. It-tielet akkuża kontra r-raġel kienet ta' serq aggravat ta' diesel minn trakk, u li kkawża ħsara fuq l-istess trakk, fiż-żona industrijali ta' Kordin fl-istess lejl tat-22 ta' Novembru.
Il-Qorti ġiet infurmata li wara l-arrest, l-akkużat talab li jittieħed l-isptar Monte Karmel, minħabba li huwa jbati minn problemi ta' użu ta' droga.
L-avukat difensur, Noel Camilleri,wieġeb li l-akkużat mhux ħati, u sostna dan b'emfażi fuq il-fatt li l-akkużat ma' kellux l-assistenza ta' avukat fil mument tal-arrest, iżda l-ispettur irrisponda li r-raġel irrifjuta l-assistenza legali.
Fil-Qorti, l-akkużat deher jimxi b'diffikultà, hekk kif huwa mifhum li kien qiegħed ibati minn sintomi ta' nuqqas tad-droga. L-avukat Camilleri qal li se jappella għal-talba ta' innoċenza "għaliex bħalissa, fid-dawl tal-istat fiżiku u mentali tal-akkużat, huwa ma' jinstabx f'pożizzjoni li jikkomunika b'mod ċar u jagħti risposti luċidi."
L-ispettur Zammit saħaq li l-prosekuzzjoni kienet f'pożizzjoni li ttella' l-akkużat il-Qorti il-ġimgħa li għaddiet, iżda inħeles mill-arrest sabiex sakemm l-akkużat ikun jinsab f'kundizzjoni ta' saħħa aħjar. "Fil-mument tal-arrest, l-akkużat ma kienx fi stat preżentabbli," qal l-Ispettur. Intant, tul l-investigazzjoni, l-akkużat kien qiegħed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli.
Fuq bażi taċ-ċertifikat maħruġ mill-Isptar Monte Karmeli, l-avukat Camilleri qal li se jagħmel talba biex l-akkużat jinħeles mill-arrest, u minflok talab li huwa jinżamm fit-taqsima foresika tal-isptar.