Dalgħodu għall-ħabta tat-07:50 ta’ filgħodu, kien hemm inċident tat-traffiku fi Triq Anzac, Pembroke li ħalla numru ta’ vittmi midruba, inkluż tifel ta’ 7 snin li weġġa’ gravi.
Jidher li mara ta’ 32 sena, residenti s-Swieqi kienet qed issuq vettura tat-tip Mazda Demio, meta għal xi raġuni tilfet il-kontrol u baqgħet dieħla ġo vettura tal-għamla BMW, li kienet ipparkjata fl-imsemmija triq.
Flimkien mal-mara, kien hemm żewġ passiġġieri fil-karozza, żewġt itfal ta’ 7 u 9 snin rispettivament li wara l-inċident ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Il-mara u t-tifel ta’ 9 snin ġew iċċertifikati li qed isofri minn ġrieħi ħfief, filwaqt li t-tifel ta’ 7 snin ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Investigazzjonijiet tal-Pulziija għadhom għaddejjin.