69,142 pari ta' żraben sportivi u 12,137 pari ta' żraben oħra, 18,600 beritta, 1,560 basket, 2,666 ġugarell u 492,480 bajda taċ-ċikkulata...
Dawn kienu l-ammont ta' prodotti foloz li ġew ikkonfiskati mid-dwana fil-ġimgħat li għaddew.
Hekk kif wasal il-Milied, kunu ċerti li meta tixtru r-rigali tal-Milied tiflu sew it-tabella u biex taċċertaw li dak li qed tixtru mhux xi imitazzjoni ta' ditta uffiċjali.
Dawn it-tip ta' oġġetti li jimitaw ditti prominenti jistgħu jinstabu fis-suq, minkejja l-fatt li d-dwana qegħda tagħmel xogħolha sew u f'dawn l-aħħar ġimgħat ikkonfiskat 16-il kontejner mimlijin b'oġġetti foloz; imitazzjoni ta' ditti propji. Il-kontejners ġew ikkonfiskati minn Uffiċjali tad-Dwana waqt spezzjonijiet li saru fil-Freeport.
Fuq nota aktar serja, ld-Dipartiment tad-Dwana jwissi lill-konsumaturi li s-suq tal-prodotti foloz huwa suq ta' biljuni ta' ewro, li mhux biss jippromwovi x-xogħol abbużiv minn tfal u skjavi, iżda jagħmel ukoll ħsara lill-istabilità finanzjarja, filwaqt li jtellef eluf ta' impjiegi madwar l-Ewropa kull sena. Oġġetti foloz, b'imitazzjoni tad-ditti l-propja, li jistgħu jinkludu oġġetti tal-ikel u x-xorb, jista' jkollhom fihom sustanzi u kimiċi perikolużi minħabba li l-proċess biex jiġu manifatturati bi prezzijiet minimi, ma jagħmilhomx konformi mal-leġislaturi tas-saħħa u s-sigurtà tal-UE, u għaldaqstant jistgħu jkunu ta' periklu għas-saħħa tal-konsumaturi.