Kok Inġliż li kien Malta jżur il-familja, għal ftit ma spiċċax fl-inkwiet mal-liġi, wara li nqabad mill-Pulizija juża Euros foloz
L-Imħallef Audrey Demicoli semgħet fil-Qorti kif minħabba n-nuqqas ta’ familjarità man-noti tal-flus tal-Euros, il-kok Ingliż Terence Saliba, ta’ 23 sena, kien uża flus foloz, li huwa sostna li ngħataw lilu minn xi ħadd ieħor.
Jidher li allovolja Saliba ma kienx jaf li l-flus li kien qiegħed juża kienu foloz, l-offiża introdotta fil-kodiċi kriminali ta’ Malta s-sena li għaddiet, tiddetermina li anke jekk huwa ma kienx jaf, xorta jinstab ħati li ċċirkola flus foloz.
L-avukat difensur ta’ Saliba, spjega fil-Qorti li l-akkużat, li jgħix u jaħdem Londra, ġie Malta jżur lil missieru, u li l-flus foloz li kellhu fuqhu kienu ngħatawlu mingħand persuna Ingliża oħra li ġabithom lura minn xi pajjiż li juża l-Euro bħala flus, u bħal Saliba ma ndunatx li dawn ma kienux awtentiċi.
L-akkuża kkonfermat li l-akkużat mill-ewwel ikkopera mal-Pulizija, skuża ruħu ta’ dak li għamel, filwaqt li sostna li ma kienx jaf li l-flus kienu foloz u li kieku kien jaf li kien hekk, kien jarmihom.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tat lil Saliba il-libertà proviżorja. Il-Flus il-foloz ġew ikkomfiskati kollha, u mgħoddija lill-Bank Ċentrali sabiex jiġu analizzati u wara meqruda.