Fl-aħħar lejl tas-sena, Yulian Angelov, ġuvni ta' 25 sena mill-Bulgarija kien imfittex mill-Pulizija wara li rrifjuta li jieqaf f'roadblock. Angelov, li huwa bla xogħol kien f'karozza ma' tnejn minn sħabu meta rrifjutaw li jiefqa f'roadblock, iżda waqfu ftit iktar 'l isfel fit-triq.
It-tliet persuni fil-karozza kienu nfirdu, waqt li żewġ pulizija marru jiġru warajhom. Wieħed minnhom mar lura, u seraq wieħed mill-muturi tal-puliizja waqt li dan kien qed jipprova jarresta lit-tnejn l-oħra. Minħabba f'hekk, pulizija minnhom telaq biex isegwi lil dak li seraq il-mutur, li tnexxielu jaħrab waqt li l-mutur instab ftit iktar 'il bogħod, abbandunat.
L-unika Bulgaru li l-Pulizija rnexxielja tarresta, kien Angelov li ttela' l-qorti quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, akkużat b'kompliċità ta' serq aggravat ta' vettura tal-pulizija, li vjolentament irreżista l-arrest, li ma obdiex ordnijiet tal-pulizija, u dan filwaqt li nstab li kellu fil-pussess tiegħu kokaina u kannabis.
Minkejja dan, Angelov ingħata ħelsien mill-arrest mingħajr il-bżonn li jiddepożita garanzija personali, anke jekk il-qorti ġiet infurmata li r-raġel kien irrifjuta li jagħti l-identità tiegħu, u kkopera biss meta ġie kkonfrontat, u ġew imqabbla l-marki tas-swaba.
Iktar kmieni llum, l-Avukat Ġenerali appella għal dan, iżda l-Qorti ġiet infurmata li fl-istess ġurnata li ngħata l-ħelsien mill-arrest, Angelov ma kienx mar fl-għassa tal-Pulizija kif kien ordnat li jagħmel, u rriżulta li l-akkużat ma baqax jgħix fl-indirizz li kien ta lill-Qorti, u minflok ippakkja u ħarab flimkien mat-tfajla tiegħu.
Għalhekk, il-Qorti ordnat li Angelov jerġa' jiġi arrestat, waqt li nħareġ mandat ta' arrest Ewropew. Fl-istess waqt, il-persuni l-oħra li kienu involuti, għadhom qed jiġu mfittxija mill-Pulizija