Raġel Ingliż li kien jinsab għal btala f'pajjiżna fl-2001 ingħata €20,000 f'kumpens wara li kien weġġa' wara li waqa' f'ħofra fil-bankina.
Gary Kimber kien jinsab għal btala f'Buġibba f'Settembru, flimkien ma' martu, meta ġurnata minnhom iddeċidew li jmorru jippassiġġaw u f'mument minnhom, ir-raġel waqa' f'ħofra li kien hemm fuq il-bankina quddiem il-lukanda San Antonio. Il-ħofra kienet tħaffret bħala parti minn xogħlijiet li kien qed jagħmel il-Kunsill Lokali.
Qraba tal-vittma kienu ħaduh l-Isptar fejn kien ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi fi spalltu. Għaldaqstant, huwa fetaħ kawża għad-danni, kemm kontra l-lukanda kif ukoll kontra l-Kunsill Lokali, lura fl-2005.
Fil-Qorti, il-Kunsill Lokali min-naħa tiegħu qal li hu ma kienx responsabbli mix-xogħlijiet fuq il-bankina, għaliex dawn kienu jagħmlu parti mill-proġett ta' rinovar tal-kumpanija. Minkejja dan, rappreżentant tal-lukanda insista li x-xogħlijiet li l-lukanda għamlet fuq il-bankina kienu installazzjoni ta' arbli tad-dawl, li ma kinux jirrikjedu l-ebda tħaffir.
Il-Qorti min-naħa tagħha qalet li l-ħtija kienet taż-żewġ partijiet u sostniet li l-inċident kien seħħ b'riżultat ta' nuqqasijiet miż-żewġ naħat, kemm mil-lukanda u l-Kunsill Lokali.
Wara li l-Qorti kkunsidrat li r-raġel sofra diżabbiltà permanenti ta' 8%, flimkien mal-età tiegħu dakinhar u d-dħul finanzjarju tiegħu, ordnat li titħallas is-somma ta' €20,735.21 bħala kumpens.