Il-Qorti ordnat ir-ripatrijazzjoni immedjata ta' raġel mill-Albanija li pprova jitlaq minn Malta permezz ta' karta tal-identità falza.
Eryon Sala ta' 28 sena minn Tirana, fl-Albanija, dalgħodu ġie akkużat li kien fil-pussess ta' karta tal-identità falza u pprova jagħmel użu minnha sabiex isiefer minn Malta.
Fil-Qorti, l-ispettur Darren Buhagiar spjega li l-Albaniż ġie arrestat ilbieraħ fl-ajruport hekk kif prova jaqbad titjira lejn Dublin. Hemmhekk, instab li l-passaport Albaniż propja tiegħu kien jinsab fil-bagalja li kien qed iġorr miegħu.
Sala qal lill-Pulizija li kien sejjer lejn l-Irlanda sabiex isib xogħol hemmhekk, u kien xtara l-Karta tal-Identità Rumena għal €400 fl-Albanija stess.
L-akkużat ammetta li hu ħati quddiem il-Qorti u tagħtu sentenza sospiża sabiex ikun jista' jintbagħat lura f'pajjiżu.
Dan huwa t-tieni każ ta' użu ta' karta tal-identità falza fi żmien jumejn.