Qtil DCG | Il-Maġistrat Stafrace Zammit tiddeċiedi li tisma' l-kumpilazzjoni tal-provi
Il-Maġistrat Stafrace Zammit qrat żewġ digrieti fejn fihom ma laqgħetx talba biex ma tkomplix bis-smigħ u talba oħra biex il-Qorti Kostituzzjonali tistħarreġ il-mod kif il-Prim Imħallef għażel il-maġistrat għas-smigħ
minn Jesmar Baldacchino
Fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tat-tliet irġiel arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma laqgħetx it-talba tad-difiża li hi wkoll ma tkomplix bis-smigħ.
F’digriet li qrat fil-Qorti, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li t-talba tad-difiża biex hi ma tkompli bis-smigħ ma kelliex bażi legali, filwaqt li f’digriet ieħor li qrat aktar tard ma laqgħetx talba oħra li saret mid-difiża biex il-Qorti Kostituzzjonali tistħarreġ kif il-Prim Imħallef kien qed jagħżel il-maġistrati għall-smigħ tal-kumpilazzjoni.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qrat id-digriet dwar it-talba li saret mill-avukati tat-tliet imputati arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn talbu li l-Qorti Kostituzzjonali għandha tistħarreġ il-mod kif il-Prim Imħallef appunta l-maġistrati għas-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tal-imputati.
Hija sostniet li ma kienx hemm komunikazzjoni bejn il-Prim Imħallef u l-maġistrat, filwaqt li kkwotat mil-liġi li tiddefinixxi l-imparzjalità li ‘imħallef huwa imparzjali sakemm hemm provi li juru bil-kontra’.
Il-Qorti għamlet referenza għall-fatt li l-Prim Imħallef u l-imħallfin huma appuntati mill-President u li t-tibdil ta’ imħallef jew maġistrat hija rimedju eċċezzjonali. Innutat li d-difiża kienet qed tagħmel it-talba tagħha biex ittawwal il-proċess u għalhekk ikkonkludiet li ma tilqax it-talba tad-difiża.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit tiddeċiedi li tkompli bis-smigħ
Il-Qorti semgħet it-talba li saret mill-avukat difensur Martin Fenech biex il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ma tkomplix bis-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ tliet imputati li ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li l-Avukat Fenech għamel referenza għal artiklu li Caruana Galizia ssemmi lir-raġel tal-Maġistrat Ian Stafrace. Hawnhekk il-Maġistrat iddeċidiet li ma kienx hemm bażi biex ma tkomplix bis-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi u li t-talba li saret mid-difiża ma kinitx ibbażata skont il-liġi.
Id-difiża reġgħet qajmet il-mistoqsijiet dwar l-appuntar tal-Maġistrati bl-Avukat Comodini Cachia tagħmel referenza għal-Liġi Ewropea fuq il-mod kif jiġu appuntati l-maġistrati. Dwar l-allegazzjoni ta’ pressjoni min-naħa tal-midja, Comodini Cachia qalet li dan huwa każ fejn l-irwol tal-midja huwa li żżomm lill-poplu infurmat. Staqsiet kif dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li għandu fiduċja fil-ġudikatura ma tfissirx li qed iwettaq pressjoni fuq il-Qorti.
L-Avukat Martin Fenech wieġeb li d-difiża m’għandha d-dritt li tkun taf fuq liema bażi l-Prim Imħallef jagħżel bejn maġistrat u ieħor lil min jappunta. Staqsa min se jagħti assigurazzjoni biex l-imputati jkollhom moħħhom mistrieħ minn smigħ ġust. Comodini Cachia wieġbet li filwaqt li d-difiża qed issostni li għandha kunfidenza fil-Qorti, qed tistaqsi kif ittieħdet deċiżjoni fl-appuntar tal-maġistrat.
Sostniet li ma jinfetħux każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem sakemm ma jkunx hemm bażi soda jew ksur ta’ preġudizzju. Qalet li ma kienx hemm lok tant li d-difiża diġà qalet li għandha fiduċja fl-imparzjalità tal-Qorti.
Is-seduta kienet aġġornata u kompliet wara nofsinhar.
Id-difiża tistaqsi jekk il-ġudikaturi hix qed tiġi appuntata skont il-Kostituzzjoni
Fl-awla tal-Qorti l-imputati li ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-avukat tad-difiża Martin Fenech staqsa lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit jekk hemmx tħassib biex ma tkomplix bis-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi iżda l-Maġistrat ma laqatx din it-talba.
L-avukat William Cuschieri għamel referenza għall-Kostituzzjoni u staqsa jekk il-ġudikatura hix qed tiġi appuntata skont il-Kostituzzjoni u staqsa jekk hemmx indipendenza jew jekk hux qed issir xi forma ta’ pressjoni.
Il-Maġistrat qalet li referenza Kostituzzjonali trid tiġi deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali u jekk din it-talba kienet daqshekk importanti kellha ssir fl-ewwel seduta quddiem l-ewwel maġistrat.
Id-Deputat Avukat Ġenerali talab lid-difiża tikkjarifika jekk hix qed issir it-talba biex il-Maġistrat Stafrace Zammit ma tkomplix bis-smigħ. Martin Fenech ressaq din it-talba formalment. Il-Maġistrat wieġbet li hi tissemma’ fil-blogg ta’ Caruana Galizia darba biss u l-artiklu ma kienx dwarha.
Dwar ir-referenza Kostituzzjonali fil-Qorti ntqal li l-proċess ilu jsir dawn l-aħħar 160 sena u li l-avukati difensuri qed jippruvaw jirredikolawh biex itawwlu ż-żmien. Intqal li kienet farsa l-akkuża mressqa fil-konfront tal-Prim Imħallef u l-avukati difensuri ġew imfakkra fl-etika tal-ġudikatura. Hawnhekk l-Avukat Jason Azzopardi qal li l-isforzi tad-difiża mhux biex ma tkomplix bis-smigħ iżda biex tabdika mir-responsabbilitajiet tagħha skont il-liġi.
L-Avukat Fenech sostna li kien qed jitlob smigħ indipendenti u enfasizza li kif kien hemm maġistrat li ma komplitx bis-smigħ għax ma kinitx komda għaliex kienet ikkritikata bl-istess mod għandu japplika lil min ġie mfaħħar. L-Avukat Fenech ikkwota l-każ Lawrence Grech kontra l-Avukat Ġenerali li ddikjarat li l-ġustizzja trid issir u tidher li qed issir, bl-Avukat Azzopardi jistaqsi biex din is-sentenza tiġi kkwotata, bl-avukat difensur ma jweġibx.
Il-Maġistrat talbet lil Martin Fenech jippreżenta artiklu ta’ Caruana Galizia fejn ingħad li l-ġurnalista faħħret lir-raġel tal-Maġistrat Stafrace Zammit. Il-prosekuzzjoni enfasizzat li dan l-artiklu ma kienx fih tifħir għal Ian Stafrace. Għalhekk il-Qorti ddeċidiet li tirtira biex jinħareġ digriet fuq it-talba tad-difiża.
Aktar qabel ġie ddikjarat li l-avukat difensur Benjamin Valenzia mhux se jkompli jidher għal George Degiorgio minħabba kunflitt ta’ interess u floku inħatret l-avukat Josette Sultana, bl-avukat Mark Sant jidher fis-seduta tal-lum. L-avukati William Cuschieri u Martha Muscat se jkunu qed jieħdu post l-avukat Francina Abela fid-difiża ta’ Alfred Degiorgio.
B’rabta ma’ dan il-każ kienu ġew arrestati l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufa bħala iċ-Ċiniż u l-Fulu rispettivament u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu.
Is-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi se jkun qed isir quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li kemm il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kif ukoll il-Maġistrat Charmaine Galea ddeċidew li ma jkomplux bis-smigħ wara talba li saritilhom mid-difiża.
Kien il-Prim Imħallef Silvio Camilleri li appunta lill-Maġistrat Stafrace Zammit ilbieraħ wara nofsinhar. Il-Maġistrat trid tiddeċiedi jekk hemmx biżżejjed provi biex l-imputati jitpoġġew taħt kap ta’ akkuża u jgħaddu ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.