Raġel ammetta fil-Qorti li spara u weġġa’ raġel ieħor f’Ħal Qormi.
Il-każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda fi Pjazza San Franġisk u kienu tobba li rrappurtaw dan il-każ lill-Pulizija wara li l-vittma mar għal kura b’żewġ tiri f’saqajh.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, ir-raġel, li għandu 52 sena, tressaq akkużat li weġġa’ persuna, kellu fil-pussess arma mingħajr liċenzja, li naqas milli jinforma lill-Kummissarju tal-Pulizija li għandu arma u li spara inqas minn 200 metru ‘l bogħod minn żona residenzjali.
Żewġt iskrataċ ġew elevati minn fuq il-post fejn seħħet l-ispatarura.
Minkejja li meta kien interrogat mill-Pulizija l-akkużat ċaħad li kellu x’jaqsam, dalgħodu fil-Qorti wieġeb ħati.
L-arma baqgħet ma nstabitx.
Il-Maġistrat tat lill-akkużat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal 3 snin, kif ukoll multa ta’ €800.
Il-vittma ngħata protezzjoni ta’ sentejn.