Raġel ingħata sentenza ta’ 10 xhur ħabs wara li wieġeb ħati li fil-karozza tiegħu kellu ħażna żgħira ta’ armi.
Daniel Briffa tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta’ armi mingħajr liċenzja u li kien qed iġorrhom fil-pubbliku.
Dan apparti akkużi oħra ta’ sewqan traskurat u perikoluż.
Huwa kien twaqqaf minn pulizija tar-Rapid Intervention Unit wara li deher isuq b’mod suspettuż.
Fil-karozza nstabu armi tan-nar, sikkina, u arma oħra li taqta’ fost oħrajn.
Meta mistoqsi għalfejn kien qed iġorr dawk l-armi kollha qal li ġieli kien mhedded u kien liebes ħafna affarijiet tal-ġojjelerija.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat kif il-Pulizija naqset meta ma investigatx minn fejn ġie d-deheb li kien liebes l-akkużat ġaladarba ma jaħdimx.
Skont l-akkużat, kellu fuqu madwar €25,000 f’ġojjelerija.
Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu kkonfiskati l-armi kollha u anke pprojbitu milli jkollu liċenzja għall-armi tan-nar fil-5 snin li ġejjin.