L-Imħallef Lorraine Schembri Orland ċaħdet talba li għamel Alfred Degiorgio, magħruf bħala “l-Fulu” biex ma tibqax tisma’ l-każ kostituzzjonali li fetaħ bil-għan li aġenti tal-FBI ma jitilgħux jixhdu.
Degiorgio, wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia qal, permezz tal-Avukat tiegħu, li l-Imħallef “marret għall-estrem,” meta qalet li t-talba tiegħu kienet waħda “frivola.”
Intant, il-ġimgħa li għaddiet, żewġ aġenti tal-FBI taw ix-xhieda, fejn fost oħrajn spjegaw kif kienet magħmulha l-bomba.
L-Avukat ta’ Degiorgio kien tefa’ dubju dwar kemm il-Qorti tista’ tiddeċiedi b’mod indipendenti u imparzjali wara l-istqarrija tal-Imħallef.
Waqt li kkwotat il-liġi Maltija u anke deċiżjonijiet oħra lokali u Ewropej, l-Imħallef ma aċċettatx it-talba tal-akkużat u saħqet li l-Qorti ma ħadet l-ebda pożizzjoni fuq mertu tal-każ.