Tliet uffiċjali tal-Pulizija tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar tad-droga f’Paceville.
L-Ispettur Justyne Grech qalet li dakinhar li seħħ il-każ, pulizija daħlu fit-toilets tal-klabb Havana f’Paceville u nnutaw wieħed mill-akkużati jżomm f’idu pakkett suspettuż.
Huwa kien arrestat minnufih u waqt l-investigazzjoni rriżulta li l-pakkett kien fih żewġ grammi kokaina u li kien se jaqsamhom ma’ żewġ persuni oħra, li wkoll inzertaw pulizija.
Iż-żewġ pulizija oħra wkoll inzertaw fit-toilet iżda ma ġewx arrestati mill-ewwel.
L-Ispettur spjegat kif it-tliet pulizija qablu bejniethom li jieħdu d-droga u li jaqsmuha u għalhekk li qed ikunu akkużati bi traffikar.
Huma qed ikunu akkużati wkoll b’pussess tal-kokaina u anke li wettqu reat meta huma fid-dmir li jassiguraw li ma jseħħx.
It-tlieta huma ġew sospiżi minn xogħolhom u d-deċiżjoni dwar il-futur tagħhom fil-korp tittieħed skont kif jiżvolġi l-każ.