Arrestata f'Malta qariba ta' mexxej mafjuż Sqalli
Mariella Franchini, li għandha 57 sena kienet toqgħod l-Imsida u nħareġ kontriha Mandat ta’ Arrest Ewropew
More in Qrati u Pulizija
Mariella Franchini, li għandha 57 sena kienet toqgħod l-Imsida u nħareġ kontriha Mandat ta’ Arrest Ewropew
Qariba ta’ mexxej ta’ grupp mafjuż fi Sqallija kienet arrestata f’Malta u tressqet il-Qorti dalgħodu.
Mariella Franchini, li għandha 57 sena u li toqgħod l-Imsida, kienet qed tiġi mfittxija wara li Maġistrat f’Bari ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew kontriha.
Franchini, hija l-mara ta’ ħu l-mexxej tal-grupp Capriati, grupp Sqalli assoċjat mal-mafja. Hija qed tkun akkużata b’ħasil ta’ €650 miljun għal għanijiet mafjużi.
L-Ispettur Mark Galea qal lill-Qorti li kienu awtoritajiet Taljani li infurmaw lill-Pulizija li l-mara kienet Malta. Huwa spjega kif il-Pulizija f’Malta ħadmet id f’id ma’ investigaturi Taljani li qed jinvestigaw każijiet ta’ ħasil ta’ flus, liema flejjes jintużaw għall-kriminalità organizzata u l-mafja.
Il-mara aċċettat mingħajr l-ebda reżistenza li tkun estradita lejn l-Italja biex tiffaċja proċeduri kriminali.
Skont il-ġurnal Taljan La Repubblica, awtoritajiet Taljani waslu għal isem il-mara wara li kienu ilhom ġimgħat jinvestigaw u interċettaw network onlajn tal-logħob tal-azzard, liema network huwa assoċjat mal-mafja.
Allegatament, dan in-network kien qed "jaħsel il-profitti tiegħu" permezz ta' numru ta' kumpaniji bbażati f’Malta, il-Curacao u l-Virgin Islands, li l-ġurnal Taljan jiddeskrivihom bħala “tax havens.”
Il-kumpanija involuta hija Centurionbet Ltd u hija assoċjata mal-familja Martiradonna.
Fuq net ta’ din l-organizzazzjoni hemm Vito Martiradonna u taħtu network magħmul min uliedu, ħutu, kuġini u anke zitu Mariella Franchini, li hija l-mara ta’ oħt il-mexxej tal-grupp mafjuż Capriati.
Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat