Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena akkużat bil-qtil ta’ Shannon Mak ammetta waqt interrogazzjoni mill-Pulizija, li kien hu li qatel lit-tfajla.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat allegatament qal lill-Pulizija kif waqt argument mal-eks sieħba tiegħu, qabad sikkina u ħanxrilha għonqha fit-triq.
Is-Supretendent Raymond Cassar qal lill-Maġistrat Simone Grech kif meta wasal fuq il-post sab lill-vittma f’għadira demm, bejn karozza pparkjata u ħajt fi Triq il-Mastrudaxxi, Santa Venera, nhar it-3 ta’ Awwissu.
Dakinhar stess, waranofsinhar, kienu arrestaw liż-żagħżugħ li kien joqgħod ftit passi ‘l bogħod mill-post tal-umiċidju.
Saħaq kif waqt l-interrogazzjoni, f’salt wieħed, l-akkużat saħaq li ma felaħx aktar hekk kif kellu xi jgħid mal-eks sieħba tiegħu u wara li telqet mill-flat, reġgħet lura biex tkompli l-argument.
Kompla jgħid li kien iż-żagħżugħ stess li qalilhom li qabad sikkina u telaq jiġri wara t-tfajla u ħanxirlha għonqha.
Id-Difiża insistiet li dak il-ħin l-akkużat ma kienx akkumpanjat minn avukat u għalhekk kwalunkwe stqarrija tiegħu ma tistax tintuża bħala evidenza.
Madanakollu, fil-Qorti ntqal kif l-akkużat kien imwissi darbtejn, kemm meta ġie arrestat u anke fid-depot fejn saħansitra ffirma karta qabel ma kien interrogat.
Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli f’Diċembru.