Raġel inżamm arrestat wara li tressaq akkużat b’hold-up li allegatament wettaq nhar is-Sibt li għadda f’Santa Venera.
L-akkużat, li għandu 46 sena minn Santa Venera, daħal f’ħanut, armat b’arma tan-nar biex iwettaq serqa.
Huwa kien akkużat b’serq aggravat, li żamm persuna kontra r-rieda tagħha, li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr liċenzja u li sar reċidiv.
L-Avukat tad-Difiża insista li l-mara tal-akkużat ilha marida snin sħaħ u dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli waslu lir-raġel biex jaqbad triq ħażina.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li fadal ħafna aktar minn jixhed.
Kien spjegat ukoll li r-raġel għandu l-vizzju tad-droga bid-Difiża tisħaq li l-ħabs mhux se jagħmillu ġid.
Il-Qorti, wara li semgħet iż-żewġ naħat, u anke minħabba l-fatt li r-raġel kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest f’każi oħra, ma tatux il-ħelsien mill-arrest.