Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li qed ikun akkużat bl-attentat tal-qtil tal-pulizija Simon Schembri u li l-ġimgħa li għaddiet reġa’ nqabad isuq bla liċenzja, qed jilmenta li tpoġġa f’waħda mill-agħar diviżjonijiet tal-ħabs u li mhux jirċievi t-trattament mediku li għandu bżonn.
Dalgħodu kompla jinstema’ każ kontra dan iż-żagħżugħ wara li l-ġimgħa li għaddiet intlemaħ isuq karozza minkejja li ma għandux liċenzja. Huwa qed ikun akkużat, fost oħrajn, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Jirriżulta wkoll li l-Avukat Franco Debono ma għadux qed isegwi lill-akkużat u fil-Qorti qam battibekk għax iż-żagħżugħ, allegatament, ma tħallix iċempel lill-ġenituri tiegħu biex jagħżel avukat ġdid.
L-Avukat Victor Bugeja insista li l-akkużat għandu jingħata ċ-ċans li jitkellem ma’ avukat ġdid waqt li saħaq li minħabba l-aħħar każ, Debono jista’ jitlef €50,000 li kien ta bħala garanzija personali qabel ingħata l-ħelsien mill-arrest.
L-akkużat qed jilmenta wkoll għax tpoġġa f’Diviżjoni sitta tal-Faċilità Korrettiva Kordin.
L-Avukat Bugeja qal ukloll li l-akkużat suppost qed jirċievi mediċina li mhijiex disponibbli fil-ħabs.
“Din il-mediċina suppost jeħodha sitt darbiet f’ġurnata,” saħaq l-Avukat.
Il-Qorti ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex it-tabib tal-ħabs jikkordina mat-tabib tal-akkużat, permezz ta’ missieru, biex jassiguraw li l-mediċina tkun disponibbli.
Intant, dalgħodu, xehdu diversi persuni, fosthom il-ġurnalist Brandon Pisani li ppreżenta lill-Qorti diversi ritratti tal-mument li Debono ġie arrestat.
Xehed ukoll Surġent tal-Pulizija li ħa ritratt bil-mowbajl tal-akkużat waqt li kien qiegħed isuq.
Il-Prosekuzzjoni informat lill-Qorti llum li hemm xhieda li qed jagħmlu minn kollox biex ma jinstabux, bil-Maġistrat Joe Mifsud jordna li dawn jitpoġġew fuq il-lista ta’ dawk imfittxija, bir-ritratti tagħhom ukoll u anke jittellgħu jixhdu taħt arrest, jekk ikun hemm bżonn.
Il-każ ikompli fil-5 ta’ Ġunju.