Żewġt irġiel Għawdxin ta’ 33 u 34 sena, it-tnejn residenti x-Xagħra, tressqu l-Qorti akkużati li weġġgħu u heddew raġel Libjan ta’ 33 sena.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat.
Jirriżulta li ż-żewġt irġiel bdew jheddu lir-raġel b’oġġett iebes, b’wieħed minnhom ikun akkużat li kien qed iġorr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja, li wettaq reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti u li kiser Ordni ta’ Trattament meta wettaq reat fi żmien il-perjodu operativ ta’ sentenza ta’ Trattament mogħtija mill-istess Qorti.
Iż-żewġt irġiel huma akkużati wkoll li kienu fis-sakra fil-pubbliku, li tkellmu oxxen u li kisru l-paċi pubblika.
Huma wieġbu mhux ħatja u ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-Libjan.