Alejandro Brincat, żagħżugħ ta’ 25 sena minn Mtarfa, ġie identifikat bħala l-vittma tal-ewwel inċident fatali tat-triq fl-2025, li seħħ it-Tnejn filgħaxija.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:20pm fi Triq l-Imdina, Ħ'Attard. Skont l-investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li l-vittma, li kien qed isuq karozza tal-marka Mercedes, tilef il-kontroll tal-vettura u ħabat f’siġra. Il-karozza waqfet meta laqtet struttura tal-ħadid.
Timijiet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) u Mater Dei marru fuq il-post immedjatament, iżda s-sewwieq ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post tal-inċident.
Il-pulizija kellhom jagħlqu l-karreġġjata ta’ ġewwa biex il-persunal tal-CPD jkun jista’ joħroġ lis-sewwieq mill-vettura.
Dan huwa l-ewwel inċident fatali tat-triq għas-sena 2025.
Il-Maġistrat Ian Farrugia fetaħ inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.