Jidher illi hemm 31 persuna li bħalissa qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u qed jistennew li jibdielhom il-ġuri.
Dil-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem Carmelo Mifsud Bonnici.
Mifsud Bonnici staqsa lill-Ministru kemm kien hemm persuni jistennew għall-ġuri u li qegħdin il-ħabs fl-istess ħin.
Iżda ma staqsiex kemm minn dawn għandhom il-ġuri appuntat biex b’hekk ikunu jafu meta jista’ jkomplu l-proċeduri.
’Il fuq minn 200 ġuri pendenti sal-aħħar tal-2024
Minn mistoqsija parlamentari oħra li għamel ukoll Mifsud Bonnici lill-istess Ministru joħroġ li sal-aħħar tal-2024 kien hemm aktar minn 200 ġuri pendenti.
Eżattament kien hemm 227 ġuri pendenti, u minn dawn 16 biss għandhom il-ġuri appuntat — jiġifieri 7% tal-ġurijiet pendenti kollha biss jafu meta se jibdielhom il-proċess.
“Il-kumplament qed jistennew li jiġu appuntati jew l-eżitu ta’ proċeduri oħrajn,” qal il-Ministru fit-tweġiba tiegħu.
Barra minn hekk, ħareġ li minn dawn il-ġurijiet kollha, l-aktar ġuri li ilu pendenti ilu mill-2008.
Backlog li kulma jmur dejjem jikber
Jidher ukoll illi n-numru ta’ ġurijiet mhu qed jiċkien xejn — anzi qed jibqa’ jikber minn sena għal sena.
Dan għaliex, minn informazzjoni meħuda minn mistoqsijiet parlamentari oħrajn magħmula lill-istess Ministru, in-numru ta’ ġurijiet pendenti kien ferm iżgħar fis-snin ta’ qabel.
Meta kien mistoqsi minn Karol Aquilina fit-23 t’Ottubru 2023 dwar in-numru ta’ ġurijiet pendenti, Attard wieġeb li kien hemm 141 ġuri pendenti sat-18 t’Ottubru tal-istess sena.
Dan-numru jirrappreżenta żieda ta’ kważi 40 ġuri hekk kif f’Jannar tal-istess sena, il-Ministru ġie mistoqsi l-istess mistoqsija fejn wieġeb li kien hemm 102 ġurijiet pendenti fl-24 ta’ Jannar, 2023.
Barra minn hekk, minn Ottubru tal-2023 sal-aħħar tal-2024 kien hemm żieda ta’ kważi 100 ġuri. B’kollox il-ġurijiet żdiedu b’86 f’sena.
Ta’ min jgħid ukoll illi f’sentejn in-numru ta’ ġurijiet irdoppja: minn 106 fit-22 ta’ Novembru tal-2022 għal 227 fl-aħħar tas-sena 2024.
Dan juri biċ-ċar li l-ġurijiet pendenti dejjem qegħdin jikbru — u jkarkru wkoll, hekk kif hemm numru sinifikanti ta’ każijiet li ilhom minn qabel l-2020, saħansitra bi wħud li ilhom minn qabel l-2010.