Raġel ta’ 52 sena wieġeb ħati li qabbad id-dar fejn kien jgħix ma’ martu u uliedu waqt li saħaq li għamel dan minħabba l-problemi fiż-żwieġ.
Kien ir-raġel stess li mar l-għassa tal-Pulizija biex jirrapporta n-nirien wara li ddispjaċih għal dak li għamel.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel mar f’pompa tal-petrol f’Ħal Għargħur, xtara b’erba’ litri petrol u mar id-dar meta martu u uliedu ma kinux hemm.
Huwa xerred il-petrol fil-kamra tas-sodda tiegħu u ta’ martu u anke f’dik tat-tfal u qabbad in-nar.
Meta rrealizza x'għamel, mar jiġri fl-eqreb għassa biex jirrapporta, bil-pulizija jispjegaw li r-raġel beda jinkwieta l-aktar għall-ġirien.
“Ħa interess fil-ġirien u kkopera mal-Pulizija. Għalkemm kien hemm xi ħsara, in-nar ma laħaqx inxtered ħafna,” qalet il-Prosekuzzjoni.
Id-Difiża spjegat kif ir-raġel ippanikja meta ra n-nar.
“L-ironija hija li n-nar kien tant żgħir li seta’ jitfih hu stess. Kieku llum mhux qegħdin hawn,” saħaq l-Avukat Arthur Azzopardi.
Huwa qal li l-akkużat kellu problema bl-alkoħol u rnexxielu jegħlibha.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal erba’ snin kemm għall-mara u anke għat-tfal u tat lir-raġel sentenza ta’ tliet snin u erba’ xhur ħabs.