Ilbieraħ għall-ħabta tal-17:30p.m. il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi ta' bejn ix-xatt ta' Buġibba u l-Gżejjer ta' San Pawl. Meta marret fuq il-post il-Pulizija saret taf li raġel ta' 35 sena minn Ħal Għaxaq, li issa irriżulta li huwa Christian Degabriele. Degabriele huwa missier ta' tifla u suldat fis-sezzjoni marittima tal-Forzi Armati ta' Malta. Fil-fatt huwa kien qiegħed jogħdos ma' suldat ieħor f'dawk l-inħawi iżda baqa' ma telax.
Minnufih intalbet l-assistenza tal-membri tal-Forzi Armati ta' Malta u tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew tfittxija intensiva, kemm permezz ta' tim ta' bugħaddasa kif ukoll b'dinghy u ħelikopter.
Sfortunatament, dalgħodu, għall-ħabta tad-8:45a.m. il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ kadavru f'dawk l-inħawi, fejn ġie ikkonfermat li kien Degabriele. Aktar tard il-kadavru ddaħħal fil-Bażi Marittima f'Xatt it-Tiben.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.