Raġel aggredit waqt serqa fiż-Żurrieq

Hu ġie ċċertifikat li weġġa' gravi

Il-Ġimgħa 25 t’Awwissu, għall-ħabta tat-8 p.m, intalbet il-preżenza tal-Pulizija ġewwa ħanut tad-deheb fi Triq Dun Ġużepp Żammit, iż-Żurrieq.

Meta marru fuq il-post, il-bieb kien imsakkar. Madankollu, innotaw raġel marbut, b’ġrieħi fuq ġismu. Fuq il-post issejjħu tim mediku, kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll ambulanza.

Ir-raġel, ta’ 67 sena mill-Fgura, ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura, ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Mill-investigazzjoni jidher li żewġ persuni daħlu fil-ħanut, fejn attakkaw lir-raġel u serqu diversi oġġetti, qabel ma ħarbu minn fuq il-post.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Victor Axiak LL.D fetaħ inkjesta fuq il-każ, filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet.

More in Qrati u Pulizija