
Iktar uffiċjali tal-pulizija daħlu fil-Korp milli telqu
Jidħlu iktar uffiċjali tal-pulizija fl-2023, fl-2024, u fl-2025 milli jispiċċaw mis-servizz.

More in Qrati u Pulizija
Jidħlu iktar uffiċjali tal-pulizija fl-2023, fl-2024, u fl-2025 milli jispiċċaw mis-servizz.
Filwaqt li kien hemm numru sinifikanti ta’ uffiċjali li telqu mill-Korp tal-Pulizija bejn l-2023 sa Frar ta’ dis-sena, in-numru ta’ uffiċjali ġodda li daħlu huwa ikbar minn dawk li telqu, skont informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri.
Fil-fatt, b’kollox telqu 207 uffiċjal ta’ gradi differenti mill-2023 sa Frar ta’ dis-sena filwaqt li n-numru ta’ uffiċjali ġodda fl-istess perjodu huwa ta’ 261 uffiċjal.
Dawn iċ-ċifri ġew ikkwotati fil-Parlament wara li l-Ministru ġie mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Graziella Galea.
Jidher ukoll illi sena b’sena, in-numru ta’ uffiċjali li jitilqu qegħdin jonqsu. Fil-fatt jidher illi mis-96 uffiċjal li spiċċaw mis-servizz fl-2023, dan naqas għal 88 fl-2024. Barra minn hekk, anka n-numru ta’ uffiċjali li spiċċaw fl-2023 huwa terġa’ inqas mis-sena preċedenti, fejn spiċċaw 123 uffiċjal mis-servizz.
Iż-żidiet fil-korp ukoll qed jikbru sena b’sena. Fil-fatt, il-Korp ra żieda ta’ 100 uffiċjal fl-2023, li mbagħad reġa’ kiber fl-2024 għall 111-il uffiċjal. Sa Frar ta’ dis-sena, il-Korp ra żieda ta’ 50 uffiċjal filwaqt li telqu 23 uffiċjal.
Il-maġġoranza ta’ uffiċjali li ma baqgħux mal-Korp kienu kuntistabbli, iżda jidher ukoll li kien hemm numru mhux ħażin ta’ kuntistabbli ta’ riserva, surġenti, spetturi, u anka supretendenti li ma baqgħux fis-servizz.
Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza ta’ uffiċjali ġodda fil-Korp huma kuntistabbli, fejn fi tliet snin daħlu mal-204 kuntistabbli. Barra minn hekk, daħlu wkoll 44 kuntistabbli ta’ riserva u tliet spetturi.
Magħhom ukoll reġgħu daħlu fis-servizz spettur wieħed, surġent maġġur wieħed, erba’ surġenti, u erba’ kuntistabbli.
Mhuwiex ċar jekk dawn iż-żidiet humiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-isfidi ġodda tal-pajjiż, fejn iż-żieda tremenda fil-popolazzjoni, kif ukoll l-għeluq ta’ numru ta’ għases tal-pulizija madwar Malta jippreżentaw numru ta’ problemi mhux ħażin.
Iżda minkejja dan, hija indikazzjoni pożittiva li minkejja li spiċċaw mis-servizz numru mhux ħażin ta’ uffiċjali, in-numru ta’ dawk li ngħaqdu mal-Korp huwa ikbar min-numru ta’ dawk li m’għadhomx hemm għal raġuni jew oħra.