Fil-Qorti nhar l-Erbgħa intqal li l-arrest ta’ mekkanik Bulgaru wassal lill-pulizija għall-iskoperta ta’ garaxx fejn karozzi misruqa kienu qed jiġu żarmati u mibjugħa għall-partijiet.
Dan ħareġ hekk kif nhar l-Erbgħa Miroslav Mihalev, ta’ 34 sena residenti Ħal Qormi, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, akkużat li kellu oġġetti misruqa u li qered provi ta’ reat bejn it-30 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Novembru f’żona ta’ parkeġġ f’Tal- Ħandaq.
Fi-Qorti ngħad li Mihalev ammetta r-reati waqt l-interrogazzjoni u tenna l-ammissjoni tiegħu, u wieġeb ħati wara li ngħata l-opportunità li jibdel it-talba tiegħu.
L-ispetturi tal-pulizija tal-prosekuzzjoni Jeffrey Scicluna, Shawn Pawney u Stephen Gulia tħallew javviċinaw il-bank flimkien mal-avukat difensur Jacob Magri biex jiddiskutu l-każ privatament.
Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, Magri talab lill-qorti timponi l-piena minima fid-dawl tal-assistenza kontinwa tal-imputat fl-investigazzjoni tal-pulizija. Mihalev kien ilu jgħix Malta għal aktar minn 11-il sena u kellu rabtiet sodi mal-gżejjer, żied jgħid l-avukat.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li ma kinitx qed tinsisti fuq sentenza ta’ kustodja.
Il-Qorti differiet il-każ għall-1 ta’ Diċembru għas-sentenza, filwaqt li ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta' €3000 u ġie ordnat li jiffirma l- 'bail book’ darba fil-ġimgħa u josserva l- 'curfew’.