Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u rriżulta li mara ta’ 80 sena residenti Ħal Għaxaq, intlaqtet mill-istess kowċ tal-għamla Iveco li kienet niżla minnha.
Il-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti Ħal Għaxaq.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku assistew lill-vittma, iżda sfortunatment il-mara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Żewġ passiġġieri nisa oħra, waħda ta’ 64 u oħra ta’ 63, it-tnejn residenti Ħal Tarxien li ukoll kienu niżlin mill-istess vettura sofrew xi ġrieħi fl-inċident.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.
Aktar tard il-mara ta’ 63 ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġrieħi tal-mara l-oħra għadhom pendenti.
Ix-xufier ma sofriex ġrieħi. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.