It-Tnejn għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Carlo Manchè, il-Gżira.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Sirjan ta’ 27 sena, kien qiegħed jagħmel xi xogħol ma’ faċċata u waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.