Il-Pulizija Maltija wettqet b’suċċess Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront ta’ ċittadin Taljan ta’ 50 sena, li kien imfittex mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti ta’ Brindisi.
L-awtoritajiet Taljani kienu ħarġu mandat ta’ arrest fil-konfront tat-Taljan, fl-24 ta’ Jannar tal-2022, sabiex jiskonta sentenza ta’ priġunerija.
L-operazzjoni tal-arrest saret kmieni l-Ħamis wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet fejn ġie stabbilit li l-persuna qiegħda tgħix il-Mosta.
Pulizija minn diversi taqsimiet iċċirkondaw ir-residenza fejn qiegħed jgħix u ġie arrestat. L-operazzjoni ta’ dalgħodu saret bil- kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti l-Ħamis, għal xi nofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil, biex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni lejn l-Italja.