Il-kundizzjoni tal-Fibromyalgia
minn Justyne Caruana
minn Justyne Caruana
It-12 ta’ Mejju kien il-Jum Internazzjonali dwar l-għarfien fuq il-Fibromyalgia. Is-Sintomi tal-Fibromyalgia huma bosta, iżda l-aktar sintomu ovvju huwa dak ta’ uġigħ tal-muskoli tal-ġisem kollu. Apparti l-element ta’ uġigħ, il-Fibromaylgia għandha madwar sittin sintomu ieħor. Sintomi bħall-intolleranza għad-dawl u għall-istorbju, u irritazzjoni waqt li l-persuna tieħu n-nifs huma wkoll sintomi ta’ din il-kundizzjoni. Din il-kundizzjoni tħalli lil persuna li tbati minnha mingħajr saħħa, u tista’ wkoll tkun il-kaġun ta’ nuqqas ta’ rqad li jaffettwa l-attivitajiet normali ta’ kuljum. Dak li jkun iħossu bħallikieku jrid jimbotta lilu nnifsu biex jagħmel xi ħaġa matul il-ġurnata minħabba telqa fil-muskoli u n-nervituri. Dan kollu qed insiru nafu bih f’dan l-aħħar żminijiet anke permezz ta’ kuxjenza fost il-mezzi soċjali fuq l-internet.
Nafu wkoll li din il-kundizzjoni qiegħda wkoll issir iktar komuni speċjalment fost it-tfal u żgħażagħ u għandna problemi biex tiġi stabbilita. Fil-fatt, illum il-Fibromyalgia taffetwa madwar tlieta sa ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni fid-dinja, u taffettwa lil kulħadd, minn tfal żgħar sa adulti u anzjani. Din il-kundizzjoni hija iktar komuni fost in-nisa milli fost l-irġiel u kwart tal-popolazzjoni li jbatu mill-Fibromylgia jsibuha diffiċli ħafna biex jaħdmu ta’ kuljum.
Il-Gvern irreaġixxa għal dawn il-bżonnijiet billi sa mill-ewwel ġranet tiegħu inkluda din il-kundizzjoni fil-lista ta’ kundizzjonijiet li jintitolaw l-applikant għal karta s-safra, kif inhi l-iktar magħrufa. Din il-karta tintitola lill-applikant għall-mediċini b’xejn.
Kumbinazzjoni kont qiegħda nitkellem ukoll ma’ persuna li tbati minn din il-kundizzjoni proprju ftit tal-ġranet ilu. Din il-persuna rrakkuntatli l-esperjenza tagħha fejn qaltli li hemm bżonn ta’ iżjed kuxjenza. Skont hi, ħafna nies li jbatu bil-Fibromyalgia jispiċċaw jgħaddu minn stat ta’ dipressjoni minħabba l-fatt li jispiċċaw iżolati mis-soċjetà. Jispiċċaw ibatu mill-perċezzjoni negattiva li huma nies għażżenin u ma jridu jagħmlu xejn, jew inkella nies li jesaġeraw għaliex minħabba din il-kundizzjoni ma jkunux jistgħu jaħdmu.
Din il-persuna saħqet li anke fost il-professjonisti hawn nuqqas ta’ għarfien għaliex mhux faċli tinduna li huwa każ ta’ fibromyalgia. Kellna ħafna każijiet fejn tant kien diffiċli li ssir id-djanjożi tagħha, li spiċċaw jiġu kkurati dipressjoni jew kundizzjoni psikoloġika oħra. L-aktar kliem li laqtuni kienu: “Meta it-tobba ma jemmnukx, ma jemmnek ħadd.” Iktar kemm nisma’ iktar nikkonferma kemm għandna bżonn naħsbu fuq sistema biex nintegraw iżjed lil nies li jbatu bil-Fibromalygia fis-soċjetà u ngħinuhom.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qiegħed jaħdem biex nintegraw iżjed il-persuni b’diżabilità fis-soċjetà u qed norganizzaw bosta attivitajiet u konferenzi b’differenza, fejn qed nagħtu spinta lill-abbiltajiet tal-persuni b’diżabilità, biex b’hekk ninfurmaw iżjed lill-pubbliku dwar l-abbiltajiet straordinarji li għandhom dawn il-persuni. Il-Fibromalygia mhi xejn inqas, anzi hija kundizzjoni li fiż-żmien li ġej irridu nindirizzaw iżjed u naħdmu fuqha. Nafu li hawn ħafna tbatija fost dawn il-persuni u allura rridu ngħinuhom kemm nifilħu – din hija l-missjoni ta’ kull politiku speċjalment ta’ segretarjat li b’kull mezz possibbli li jrid jagħmel u qed jagħmel id-differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies speċjalment l-iktar nies vulnerabbli.