Skola Sekondarja ttella’ maratona b’risq Dar Merħba Bik

L-iskola sekondarja ta’ San Ġorġ Preca ħa ttella’ din il-maratona nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, fost il-preżentaturi hemm ismijiet magħrufha bħal Peppi Azzopardi u Ivan Gaffiero

L-iskola sekondarja San Ġorġ Preca (Ritratt: Facebook)
L-iskola sekondarja San Ġorġ Preca (Ritratt: Facebook)

L-iskola sekondarja ta’ San Ġorġ Preca l-Liċeo fil-Ħamrun, ser torganizza maratona annwali b’risq Dar Merħba Bik. L-għan ta’ din il-maratona mhuwiex biss li jinġabru l-fondi imma wkoll li jiżdied aktar għarfien dwar il-vjolenza domestika u l-ħidma ta’ din id-dar.

Din il-maratona ser tittella’ fl-iskola nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju bejn fit-8am. Il-preżentaturi ta’ din il-maratona se jkunu Peppi Azzopardi, Ivan Gaffiero u Karl Mifsud. Minkejja li l-attrazzjoni prinċipali ta’ din il-maratona sportiva hija l-isports, fosthom il-football, il-volleyball u boċċi, ħa jkun hemm wkoll diversi attivitajiet li għandhom jattiraw lill-familja kollha. 

L-avveniment ħa tibda b’quddies fit-8:30am fil-bitħa tal-iskola, b’English Breakfast offrut wara l-quddies b’risq l-istess għan. Il-maratona imbagħad ser tkompli b’diversi attrazzjonijiet u divertiment għall-pubbliku kollu fosthom bejgħ ta’ pjanti u bazaar. Barra minn hekk, l-edukaturi tal-iskola tal-Hair and Beauty ser ikunu qed jiftħu ħanut temporanju tax-xagħar għall-pubbliku bejn it-8:30am u l-4pm. Il-qligħ kollu minn dan il-bejgħ u s-servizzi ser imur għall-istess ġabra. 

Ikun hemm preżenti wkoll esebizzjoni artistika minn pitturi u esebizzjoni tal-karozzi bis-sehem t’għaqdiet bħall-American Auto Club Malta u tad-dilettanti tal-karozzi antiki u tal-BMWs. Matul l-avveniment se jkun hemm għażla ta’ ikel u xorb minn fejn wieħed jista’ jakkwista xi ħaġa tajba. 

Fir-rokna tad-divertiment wieħed jista jsib il-preżenza ta’ diversi mużiċisti Maltin stabbiliti, fosthom Kapitlu Tlettax, Justine Shorfid, Street Elements, Dancing Angels u DJ Armani, li ser ikun qed jagħlaq dan l-avveniment.

Għat-tfal, ħa jkun hemm ukoll żona tat-tfal, li ser tkun mgħammra b’bouncing castle, ferrovija, face painting u attrazzjonijiet oħra. 

L-Iskola Sekondarja ta’ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun tirringrazzja lil kull min qed jagħti s-sehem tiegħu fit-tħejjija għal din il-maratona sportiva, filwaqt li tistieden lil kulħadd sabiex dakinhar jattendi, ħalli flimkien nilħqu l-għan ewlieni tagħhom: li jgħinu lil Dar Merħba Bik u li jkunu parti minn dan l-għan nobbli.  

More in Socjali